Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju tal-lum (cfr Ġw 3,16-18), festa tas-Santissima Trinità, jurina – bil-linġwaġġ sintetiku tal-appostlu Ġwanni – il-misteru tal-imħabba t’Alla għad-dinja, ħolqien tiegħu. Fid-djalogu qasir ma’ Nikodemu, Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala Dak li wassal għall-milja sħiħa l-pjan ta’ salvazzjoni tal-Missier għad-dinja. Huwa jafferma: “Alla hekk ħabb id-dinja li bagħat lill-Ibnu l-waħdieni” (v. 16). Dal-kliem juri li l-azzjoni tat-Tlett Persuni Divini –Missier, Iben u Spirtu s-Santu – hi kollha kemm hi pjan waħdieni ta’ mħabba li jsalva l-umanità u d-dinja, hu pjan ta’ salvazzjoni għalina.
Alla ħalaq dinja tajba, sabiħa, imma wara d-dnub sfat imħassra bil-ħażen u l-korruzzjoni. Aħna rġiel u nisa lkoll midinbin, ilkoll, għaldaqstant Alla jista’ jindaħal biex jiġġudika d-dinja, biex jeqred il-ħażen u jikkastiga lill-midinbin. Minflok, Hu jħobb id-dinja minkejja dnubietha; Alla jħobb lil kull wieħed u waħda minna wkoll meta niżbaljaw u nitbiegħdu minnu. Alla l-Missier tant iħobb id-dinja illi, biex isalvaha, taha l-aktar ħaġa prezzjuża li kellu: Ibnu l-waħdieni li ta lilu nnifsu għall-bnedmin, qam, mar lura għand il-Missier u flimkien miegħu jibgħat l-Ispirtu s-Santu. Għalhekk it-Trinità hi Mħabba, kollha kemm hi mogħtija għas-servizz tad-dinja għax trid issalvaha u ttiha ħolqien ġdid. Illum aħna u naħsbu f’Alla l-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, naħsbu dwar l-imħabba t’Alla! U jkun sabih li aħna nħossu fina din l-imħabba. “Alla jħobbni”; dan hu s-sentiment li għandna nħossu fina llum.
Meta Ġesù jafferma li l-Missier ta lil Ibnu l-waħdeini, bla ma rridu, niftakru f’Abram u l-offerta ta’ ibnu Iżakk li jkellimna dwahau l-Ktieb tal-Ġenesi (cfr 22,1-14): dan hu “l-qies mingħajr qies” tal-imħabba t’Alla. U niftakru wkoll kif Alla wera ruħu lil Mosè: mimli mgħodrija u ħniena, tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà (cfr Eż 34,6). Il-laqgħa ma’ dan Alla, lil Mosè mlietu bil-kuraġġ, tant li, kif jirrakkuntalna l-Ktieb tal-Eżodu, ma beżax jidħol bejn il-poplu u l-Mulej, u qallu: “Iva, hu poplu rasu iebsa imma int aħfrilna dnubietna u ħudna b’wirt għalik (v. 9). Hekk għamel Alla meta bagħat lil Ibnu. Aħna wlied fl-Iben bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu! Aħna l-werrieta ta’ Alla!
Għeżież ħuti, il-festa tal-lum tistedinna biex nħallu s-sbuħija ta’ Alla ssaħħarna mill-ġdid: sbuħija, tjubija u verità bla qies. Imma sbuħija wkoll, tjubija u verità umli, qrib, li saret laħam biex titwaħħad ma’ ħajjitna, mal-istorja tagħna, mal-istorja tiegħi, mal-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna, ħalli kull raġel u mara jkunu jistgħu jiltaqgħu magħha u jiksbu l-ħajja eterna. U din hija l-fidi: li nilqgħu lil Alla-Mħabba, nilqgħu lil dan Alla-Mħabba li jingħatalna fi Kristu, li jmexxina permezz tal-Ispirtu s-Santu; inħalluh jiltaqa’ magħna u nafdaw fih. Din hi l-ħajja nisranija. Inħobbu, niltaqgħu ma’ Alla, infittxu ‘l Alla; huwa Hu li jfittixna l-ewwel, Hu jiltaqa’ magħna l-ewwel.
Il-Verġni Marija, għamara tat-Trinità, tgħinna nilqgħu b’qalb miftuħa l-imħabba t’Alla, li timliena bil-ferħ u tagħti sens lill-mixja tagħna f’did-dinja, u torjentana dejjem lejn is-Sema, l-għan tagħna.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti, insellem lilkom Rumani u pellegrini: lill-fidili, lill-familji, lill-komunitajiet reliġjużi. Il-preżenza tagħkom fil-pjazza hi sinjal li fl-Italja l-fażi akuta tal-epidemija hi megħluba, minkejja li xorta jibqa’ l-ħtieġa – u oqgħodu attenti, tibdewx tkantaw vittorja malajr, tkantawx vittorja kmieni! – li tibqgħu timxu bir-reqqa fuq ir-regoli, għax huma normi li jgħinuna biex nevitaw li l-virus jibqa’ jgħafas. Għall-grazzja t’Alla qed noħroġu mill-agħar sitwazzjoni imma dejjem bir-rakkomandazzjonijiet li jtuna l-awtoritajiet. Imma, sfortunatament, f’pajjiżi oħrajn – qed niftakar f’xi wħud – il-virus għadu jaħsad ħafna vittmi. F’pajjiż minnhom, nhar il-Ġimgħa li għadda, miet xi ħadd kull minuta! Terribbli. Nixtieq nesprimi l-qrubija tiegħi ma’ dawk il-popolazzjonijiet, mal-morda u l-familjari tagħhom, u ma’ dawk kollha li jieħdu ħsiebhom. Nersqu qribhom permezz tat-talb tagħna.
Ix-xahar ta’ Ġunju hu dedikat b’mod parikolari għall-Qalb ta’ Kristu, devozzjoni li tgħaqqad lill-imgħallmin spiritwali l-kbar flimkien man-nies sempliċi tal-poplu t’Alla. Fil-fatt il-Qalb umana u divina ta’ Ġesù hija l-għajn li minnha nistgħu nixorbu l-ħniena, il-maħfra, it-tenerezza ta’ Alla. Nistgħu nagħmlu dan jekk nieqfu nirriflettu fuq pass tal-Evanġelju filwaqt li nħossu li fiċ-ċentru ta’ kollox hemm l-imħabba, l-imħabba tal-Missier li bagħat lil Ibnu, l-imħabba tal-Ispirtu s-Santu li jinsab fina. U dan nistgħu nagħmluh bl-adorazzjoni tal-Ewkaristija, fejn din l-imħabba hi preżenti fis-Sagrament. Allura, qalbna wkoll, ftit ftit tikseb aktar paċenzja, issir aktar ġeneruża, aktar ħanina tixbaħ lill-Qalb ta’ Ġesù. Hemm talba antika – jien kont tgħallimtha mingħand nannti – li kienet tgħid hekk: “Ġesù agħmel li qalbi tkun tixbaħ lil tiegħek”. Talba sabiha, qasira, li għandna ntennu matul dax-xahar. Ngħiduha flimkien issa. “Ġesù, agħmel li qalbi tkun tixbaħ lil tiegħek”. Darb’oħra: “Ġesù, agħmel li qalbi tkun tixbaħ lil tiegħek”.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Kont se ngħid “il-Ħadd tajjeb u sħun!”. Il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.
Maqlub għall-Malti minn Joe Huber