Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
L-Evanġelju ta’ dal-Ħadd jippreżentalna l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż (cfr Mt 14,13-21). Ix-xena sseħħ f’post imwarrab fejn Ġesù kien mar flimkien mad-dixxipli tiegħu. Imma n-nies marru jfittxuh biex jisimugħ u jfejjaqhom: infatti l-ġesti tiegħu jfejqu u jnisslu t-tama. Mal-għabex il-follol kienu għadhom hemmhekk u d-dixxipli jgħidu lil Ġesù biex jibagħthom ħalli jkunu jistgħu jixtru x’jieklu. Iżda Hu jweġibhom: “Tuhom intom x’jieklu” (v. 16). Nimmaġinaw wiċċ id-dixxipli! Ġesù jaf tajjeb x’kien se jagħmel imma jrid jibdlilhom l-atteġġjament tagħhom: tgħidux “ibagħthom, ħa jirranġaw, ħalli jsibu x’jieklu”, le, imma “x’qed tipprovdielna l-Providenza biex naqsmuh bejnietna?” Żewġ atteġġjamenti kontra xulxin. U Ġesù jrid iwassalhom għat-tieni atteġġjament, għax l-ewwel waħda hi proposta ta’ bniedem prattiku, imma mhix ġeneruża: ibagħthom ħalli jmorru jfittxu, ħa jirranġaw”. Ġesù jaħseb mod ieħor. Permezz ta’ dis-sitwzzjoni, Ġesù jrid jeduka lil ħbiebu tal-bieraħ u tal-lum biex jaħsbu bil-loġika ta’ Alla. u liema hi l-loġika ta’ Alla li qed naraw hawnhekk? Il-loġika li nitgħabbew bir-responsabbilta lejn ħaddieħor. Il-loġika li ma naħslux idejna, il-loġika li ma nħarsux in-naħa l-oħra. Il-loġika li nitgħabbew bil-piż tal-ieħor. “Ħa jirranġaw” ma tidħolx fil-vokabularju nsrani.
Malli wieħed mit-tnax jgħid, b’realiżmu “Hawn m’għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet!”, Ġesù jwieġeb: “Ġibuhomli hawn” (v. 17-18). Jaqbad dak l-ikel f’idejh, jerfa’ għajnejh lejn is-sema, jgħid il-barka u jibda jaqsam u jagħti l-porzjonijiet lid-dixxipli biex iqassmuhom. U dak il-ħobż u dawk il-ħutiet ma jispiċċawx, iservu għal eluf ta’ nies u jibqa’.
B’dan il-ġest Ġesù juri l-qawwa tiegħu, imma mhux b’mod spettakolari, imma bħala sinjal ta’ karità, tal-ġenerożità ta’ Alla l-Missier lejn uliedu għajjenin u fil-bżonn. Huwa mwaħħad mal-ħajja tal-poplu tiegħu, jifhem l-għeja tagħhom, jifhem il-limitazzjonijiet tagħhom imma ma jħalli lil ħadd jintilef jew jibqa’ lura: imantni bil-Kelma tiegħu u jirregala l-ikel abbundanti biex isostni.
F’dar-rakkont evanġeliku nilmħu r-riferiment għall-Ewkaristija, speċjalment fejn jiddeskrivi l-barka, il-qsim tal-ħobż, l-għoti lid-dixxipli u t-tqassim lin-nies (v. 19). U rridu ninnutaw kemm hi sfiqa r-rabta bejn il-ħobż ewkaristiku, ikel għall-ħajja ta’ dejjem, u l-ħobż ta’ kuljum, meħtieġ għall-ħajja tad-dinja. Qabel ma offra lilu nnifsu lill-Missier bħala Ħobż ta’ salvazzjoni, Ġesù jieħu ħsieb jitma’ lil dawk li mxew warajh, li sabiex ikunu miegħu insew jieħdu x’jieklu. Kultant naraw l-ispirtu u l-materja kutrarji għal xulxin, imma fir-realta l-ispiritwaliżmu, bħall-materjaliżmu, huma għorba għall-Bibbja. Dan mhux lingwaġġ tal-Bibbja.
Il-ħniena, it-tenerezza li wera Ġesù lejn il-folol mhumiex sentimentaliżmu imma l-manifestazzjoni konkreta tal-imħabba li titgħabba bil-ħtiġijiet tal-persuni. U aħna msejħin biex nersqu lejn il-mejda ewkaristika b’dawn l-istess atteġġjamenti ta’ Ġesù: (qabel kollox) ħniena lejn il-bżonnijiet tal-ieħor. Dil-kelma li tittenna fl-Evanġelju meta Ġesù jara problema, marda jew lil dawn in-nies mingħajr ikel. “Ġietu ħniena”. Il-ħniena mhix sentiment purament materjali; il-veru ħniena tfisser li titlaq ma’, nieħdu fuq spallejna it-tbatijiet tal-ieħor. Forsi jagħmlilna tajjeb illum nistaqsu lilna nfusna: jien għandi ħniena? Meta naqra l-aħbarijiet dwar il-gwerer, il-ġuħ, il-pandemiji, tant affarijiet, tiġini ħniena għal dawk in-nies? Għandi ħila nimxi magħhom jew inħares in-naħa l-oħra jew ngħid “ħa jirranġaw”? Tinsewhiex dil-kelma “ħniena”, li tfisser fiduċja fl-imħabba provvidenti tal-Missier u tifsser ukoll kondiviżjoni kuraġġuża.
Marija Santissma tgħinna nterrqu l-mixja li l-Mulej qed jurina fl-Evanġelju tal-lum. Hija t-triq tal-fraternità, li hija essenzjali biex naffrontaw il-faqar u t-tbatijiet ta’ did-dinja, speċjalment f’daż-żmien gravi u li tixħetna lil hinn minn din id-dinja stess, għaliex hija mixja li tibda’minn Alla u għand Alla terġa’ tmur.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
qed naħseb fil-poplu tan-Nikaragwa li hu mnikket minħabba l-attentat fil-Katidral ta’ Managwa, fejn saret ħsaara kbira – kważi nqerdet – ix-xbieha tant meqjuma ta’ Kristu, li tul is-sekli akkumpanjat u sostniet il-ħajja tal-poplu tal-fidili. Għeżież ħuti tan-Nikaragwa, jien qribkom u nitlob għalikom.
Mill-bieraħ sa nofsillejl tal-lum hemm “il-Maħfra ta’ Assisi’, ir-rigal spiritwali li San Franġisk kiseb mingħand Alla bl-interċessjoni tal-Verġni Marija. Hija indulġenza plenarja li tista’ tintrebaħ billi nersqu lejn is-Sagramenti tal-qrar u tal-Ewkaristija u nżuru knisja parrokkjali jew franġiskana, nirreċitaw il-Kredu, il-Missierna u nitlobu għall-Papa u għall-intenzjonijiet tiegħu. L-indulġenza tista’ tkun offruta wkoll għal xi persuna mejta. Kemm hu importanti li dejjem inqiegħdu fiċ-ċentru l-maħfra t’Alla li “tiġġenera l-ġenna” fina u madwarna, dil-maħfra li tiġi mill-qalb t’Alla li hu ħanin!
Insellem minn qalbi lilkom hawn preżenti, rumani – bosta! – pellegrini: qed nara l-Alpini minn Palosco hemmhekk, insellmilhom! (Qed nara wkoll) ħafna brażiljani hemmhekk, bil-bnadar. Insellem lil kulħadd, anki lid-devoti tal-Immakulata, li dejjem ikunu hawn.
U nifrex ħsiebi għal dawk li huma kollegati magħna, nawgura li f’dan iż-żmien ħafna jkunu jistgħu igawdu xi jiem ta’ mistrieħ u kuntatt man-natura li permezz tiegħu tkun stimolata d-dimensjoni spiritwali. Fl-istess waqt nawgura li b’impenn maqbul bejn kull min hu responsabbli politikament u ekonomikament, jerġa’ jinħoloq ix-xogħol: mingħajr ix-xogħol il-familji u s-soċjetà ma jistgħux jimxu ‘l quddiem. Nitolbu għal din li hi, u għad tkun, il-problema ta’ wara l-pandemija: il-faqar, in-nuqqas ta’ xogħol. U hemm bżonn ta’ ħafna solidarjetà u ħafna kreattività biex tinħall dil-problema.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber
Sors: Laikos.org