Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Fl-Evanġelju ta’ dal-Ħadd (cfr Mt 10,26-33) tidwi l-istedina li Ġesù jagħmel lid-dixxipli tiegħu biex ma jibżgħux, biex ikunu qawwijin u mimlijin fiduċja quddiem l-isfidi tal-ħajja, u jwissihom li hemm ħafna kuntrarju jistennihom. Is-silta tal-lum hi meħuda mid-diskors missjunarju li bih l-Imgħallem iħejji lill-Appostli għall-ewwel esperjenza tat-tħabbir tas-Saltna t’Alla. Ġesù jħeġġiġhom b’insistenza biex “ma jibżgħux”. Il-biża’ hi waħda mill-għedewwa l-aktar ħorox tal-ħajja nisranija tagħna. Ġesù jeżorta: “Tibżgħux”, “tibżgħux”. U Ġesù jiddeskrivi tlett sitwazzjonijiet konkreti li huma kienu se jħabbtu wiċċhom magħhom.
Qabel kollox, l-ewwel waħda, l-ostilità ta’ min irid isikket il-Kelma t’Alla, jagħmilha ħelwa, isaqqiha, inkella billi jsikket lil min irid iħabbarha. F’dal-każ, Ġesù jqawwi qalb l-Appostli biex ixerrdu l-messaġġ ta’ salvazzjoni li Hu kien fada f’idejhom. S’issa Hu kien għaddieh bil-prekawzjoni, kważi bil-moħbi, fi ħdan il-grupp ċkejken tad-dixxipli. Iżda huma għandhom iħabbru l-Evanġelju tiegħu “fid-dawl”, jiġifieri fil-miftuh, u jxandruh minn fuq il-bjut – hekk jgħid Ġesù – jiġifieri pubblikament.
It-tieni diffikultà li kellhom jiltaqgħu magħha l-missjunarji ta’ Kristu kienet it-theddid fiżiku fuqhom, jiġifieri l-persekuzzjoni diretta fuq il-persuna tagħhom, sa’ ma’ joqtluhom. Dil-profezija ta’ Ġesù tgħodd għal kull żmien: hi realtà ta’ niket, imma hi l-prova tal-fedeltà tax-xhieda. Kemm insara huma persegwitati llum ukoll fid-dinja kollha! Isofru bl-imħabba għall-Evanġelju, huma l-martri taż żmienna. U nistgħu ngħidu bla tlaqliq li hawn aktar martri milli kien hemm fl-ewwel żminijiet: tant martri, għar-raġuni ewlenija li huma nsara. Lil dawn id-dixxipli tal-bieraħ u tal-lum li jgħaddu mill-persekuzzjoni, Ġesù jirrikmandalhom: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ” (v. 28) Ma nħallux jirkibna l-biża minn dawk li jippruvaw jitfu l-qawwa evanġeliżżatriċi bl-arroganza u l-vjolenza. Huma ma jistgħu jagħmlu xejn lir-ruħ, jiġifieri kontra l-komunjoni ma’ Alla: din ħadd ma jista’ jċaħħad lid-dixxipli minnha, għax hija don ta’ Alla. Il-biża’ waħdanija li għandu jkollu d-dixxiplu hi li jitlef dan id-don divin, il-qrubija, il-ħbiberija ma’ Alla, li jiċħad li jgħix skont l-Evanġelju u b’hekk ikun iġib fuqu l-mewt morali, li hija l-effett tad-dnub.
It-tielet għamla ta’ prova li l-Appostli kien se jkollhom iħabbtu wiċċhom magħha, Ġesù jgħid li hija s-sensazzjoni li jistgħu jġarrbu xi wħud, li Alla nnifsu abbandunahom, li baqa’ bogħod u sieket. Hawnhekk ukoll iħeġġiġhom biex ma jibżgħux, għax minkejja li jkunu għaddejjin minn dawn il-perikli, il-ħajja tad-dixxipli hi miżmuma sfiq f’idejn Alla li jħobbna u jħarisna. Qieshom it-tlett tentazzjonijiet: niksu l-Evanġelju biz-zokkor, insaqquh; it-tieni, il-persekuzzjoni; u t-tielet is-sensazzjonni li Alla telaqna waħedna. Ġesù wkoll ġarrab dil-prova fil-ġnien taż-żebbuġ u fuq is-salib: “Missier, għaliex abbandunajtni?”, jgħid Ġesù. Xi drabi nħossu din in-nixfa spiritwali; m’għandniex għalfejn nibżgħu minnha. Il-Missier jieħu ħsiebna hu, għax aħna niswew ħafna f’għajnejh. Dak li jgħodd hu s-sinċerità, jgħodd il-kuraġġ tax-xhieda, tax-xhieda tal-fidi, “li nagħrfu lil Ġesù quddiem in-nies” u nibqgħu għaddejjin ‘il quddiem nagħmlu l-ġid.
Marija Santissima, mudell ta’ fiduċja u telqa f’Alla fil-waqt tad-diffikultajiet u l-periklu, tgħinna biex qatt ma naqtgħu qalbna, imma biex nafdaw dejjem fih u fil-grazzja tiegħu, għax il-grazzja t’Alla dejjem hi aktar qawwija mill-ħażen.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
Ibieraħ, il-Ġnus Magħquda ċċelebraw il-Jum Dinji tar-Rifuġjat. Il-kriżi li ġab miegħu l-coronavirus ġiebet għad-dawl il-ħtieġa li naċċertaw ruħna li anki lill-persuni rifuġjati ntuhom il-protezzjoni, biex niggarantixxu lilhom id-dinjità u l-ħarsien. Nistedinkom tingħaqdu miegħi fit-talb biex ikun hemm impenn imġedded u effikaċi minn kulħadd favur il-protezzjoni effettiva ta’ kull essri uman, partikolarment dawk imġagħlin jaħarbu minħabba sitwazzjonijiet ta’ periklu gravi għalihom u għall-familji tagħhom.
Aspett ieħor li l-pandemija ġagħalna nirriflettu dwaru hu r-relazzjoni bejn il-bniedem u l-ambjent. L-għeluq (shutdown) naqqas it-tniġġis u b’hekk sibna mill-ġdid is-sbuħija ta’ tant postijiet ħielsa mit-traffiku u l-ħsejjes. Issa, li l-attivitajiet reġgħu bdew, ilkoll kemm aħna għandna nħossuna responsabbli għall-ħarsien tad-dar komuni. Napprezza l-ħafna inizjattivi li f’kull rokna tad-dinja qed jinbtu “minn isfel” għal dan il-għan. Per eżempju, illum f’Ruma hi ġurnata dedikata lix-xmara Tevere. Imma hemm ħafna aktar (inizjattivi) f’ħafna nħawi oħra! Jalla dawn ikunu ta’ tqanqil biex iċ-ċittadini jagħrfu aħjar dan il-ġid komuni essenzjali.
Fil-patrija tiegħi u f’postijiet oħra, illum hu jum dedikat lill-missirijiet, lill-papajiet. Niżgura l-qrubija tiegħi u t-talb għall-missirijiet kollha. Ilkoll nafu li r-rwol ta’ missier mhux ħafif! Għalhekk nitolbu għalihom. Niftakar b’mod speċjali lill-missirijiet tagħna li għadhom iħarsuna mis-Sema.
U nsellem lilkom ilkoll, għeżież fidili rumani u pellegrini li ġejtu minn diversi nħawi tal-Italja – issa bdew jidhru l-pellegrini – u dejjem jiżdiedu wkoll dawk minn pajjiżi oħra – minn xi wħud: qed nara l-bnadar… Insellem partikolarment lilkom żgħażagħ; illum hi l-festa ta’ San Luigi Gonzaga, żagħażugħ mimli mħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu; miet żgħir ħafna, hawn f’Ruma għax kien jieħu ħsieb il-morda bil-pesta. Nafda fl-interċessjoni tiegħu liż-żgħażagħ tad-dinja kollha.
U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Maqlub għall-Malti minn Joe Huber