Il-Papa bagħat il-messaġġ tiegħu fl-okkażjoni tal-ewwel anniversarju tat-terremot f’Ħaiti. Il-messaġġ inqara waqt quddiesa kommemorattiva f’Ħaiti mill-President tal-Kunsill Pontifiċju Cor Unum, il-Kardinal Robert Sarah.
Il-Papa qal li “fl-ewwel anniversarju mit-terremot terribbli li laqat lill-pajjiż, ningħaqad magħkom, għeżież ċittadini tal-Ħaiti, nassigurakom bit-talb tiegħi, speċjalment għal dawk li tilfu lill-qraba tagħhom”.
Il-Papa kompla billi esprima kliem ta’ tama fiċ-ċirkostanzi tal-lum. Qal li hu ż-żmien li wieħed jibni mill-ġdid, mhux biss strutturi materjali, imma fuq kollox ko-eżistenza ċivili, soċjali u reliġjuża. Qal li jittama li l-poplu tal-Ħaiti jilgħab irwol importanti fil-preżent u fil-futur tiegħu, anki bl-appoġġ tal-għajnuna internazzjonali, li diġa ssarfet f’ġenerożita b’sapport ekonomiku u anki voluntieri minn madwar id-dinja.