Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Hemm leħen li jinstema’ jidwi ħabta u sabta fil-ħajja ta’ Abraham. Leħen li jistiednu jibda mixja li tidher assurda: leħen li jixprunah jinqala’ minn artu, mill-għeruq tal-familja tiegħu, biex jimxi lejn futur ġdid, futur differenti. U kollox mibni fuq wegħda, li jeħtieġ jafda fiha. U li tafda f’wegħda mhuwiex faċli, trid il-kuraġġ. U Abraham fada.
Il-Bibbja ma tgħid xejn fuq il-passat tal-ewwel patrijarka. Il-loġika tal-affarijiet tħallina nistħajlu li kien iqim allat oħra; forsi kien bniedem għaref, imdorri jifli s-smewwiet u l-kwiekeb. Fil-fatt, il-Mulej iwiegħdu li n-nisel tiegħu sa jkun kotran daqs il-kwiekeb li hemm fis-sema.
U Abraham telaq. Sema’ leħen Alla u fada f’kelmtu. Dan importanti: hu jafda fil-kelma ta’ Alla. U ma’ dan it-tluq jitwieled mod ġdid ta’ kif wieħed jifhem ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla; huwa għalhekk li l-patrijarka Abraham hu preżenti fit-tradizzjonijiet spiritwali kbar tal-Lhud, l-Insara u l-Musulmani bħala l-bniedem perfett ta’ Alla, li kapaċi jbaxxi rasu għalih, anki meta r-rieda tiegħu tidher iebsa, jew mhux saħansitra ma tinftehimx.
Għalhekk Abraham huwa l-bniedem tal-Kelma. Meta Alla jitkellem, il-bniedem isir dak li jilqa’ l-Kelma u ħajtu l-post li fiha din jeħtieġ titlaħħam. Din hi ħaġa ġdida għalkollox fil-mixja reliġjuża tal-bniedem: il-ħajja ta’ min jemmen tibda tinftiehem bħala vokazzjoni, jiġifieri bħala sejħa, bħala l-post fejn titwettaq wegħda; u hu jinsab fid-dinja mhux tant taħt it-toqol ta’ misteru, imma bil-qawwa ta’ dik il-wegħda, li jum wieħed għad titwettaq. U Abraham emmen fil-wegħda ta’ Alla. Emmen u telaq, mingħajr ma kien jaf lejn fejn sejjer – hekk tgħid l-Ittra lil-Lhud (ara 11:8). Imma fada.
Aħna u naqraw il-ktieb tal-Ġenesi, niskopru kif Abraham għex it-talb fil-fedeltà sħiħa tiegħu lejn dik il-Kelma, li minn żmien għal żmien kienet titfaċċa fi triqtu. Fil-qosor, nistgħu ngħidu li fil-ħajja ta’ Abraham il-fidi ssir storja. Il-fidi ssir storja. Anzi, Abraham, bil-ħajja tiegħu, bl-eżempju tiegħu, jgħallimna din il-mixja, din it-triq li fiha l-fidi ssir storja. Lil Alla ma nibqgħux narawh biss fil-fenomeni kożmiċi, bħala Alla mbiegħed, li jista’ jqanqal il-biża’. Alla ta’ Abraham isir “Alla tiegħi”, Alla tal-istorja personali tiegħi, li jmexxi l-passi tiegħi, li ma jitlaqnix; Alla tal-ġranet tiegħi, sieħbi fl-avventuri; Alla Providenza. Jiena nistaqsi lili nnifsi u lilkom: aħna għandna din l-esperjenza ta’ Alla? “Alla tiegħi”, Alla li jimxi miegħi, Alla tal-istorja personali tiegħi, Alla li jmexxi l-passi tiegħi, li ma jitlaqnix, Alla tal-ġranet tiegħi? Għandna din l-esperjenza? Ejja naħsbu ftit.
Din l-esperjenza ta’ Abraham jagħti xhieda tagħha wkoll wieħed mit-testi l-iżjed oriġinali tal-istorja tal-ispiritwalità: il-Memorjal ta’ Blaise Pascal. Jiftaħ hekk: “Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb, mhux tal-filosfi u tal-għorrief. Ċertezza. Ċertezza. Sentiment. Ferħ. Paċi. Alla ta’ Ġesù Kristu”. Dan il-memorjal, miktub fuq biċċa parċmina, u misjub wara mewtu meħjut ma’ ġewwa tal-ħwejjeġ ta’ filosfu, jesprimi mhux riflessjoni intellettwali li bniedem għaref bħalu seta’ jikkonċepixxi dwar Alla, imma s-sens ħaj ta’ min għex il-preżenza tiegħu. Pascal iniżżel saħansitra l-ħin preċiż li fih ħass dik ir-realtà, meta saflaħħar ġie wiċċ imb wiċċ magħha: filgħaxija tat-23 ta’ Novembru 1654. Mhux Alla astratt jew Alla kożmiku, le. Huwa Alla ta’ persuna, ta’ sejħa, Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk, ta’ Ġakobb, Alla li hu ċertezza, li hu sentiment, li hu ferħ.
“It-talba ta’ Abraham tfissret l-ewwel permezz ta’ għemil: bniedem tas-skiet, kull fejn waqaf, bena altar lill-Mulej” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2570). Abraham ma beniex tempju, imma qassam il-ġebel biex ifakkar it-triq li minnha għadda Alla. Alla tas-sorpriżi, bħal meta żaru fil-figura tat-tliet mistiedna, li hu u Sara laqgħu b’qima u li ħabbrulhom it-twelid ta’ binhom Iżakk (ara Ġen 18:1-15). Abraham kellu mitt sena, u martu disgħin, bejn wieħed u ieħor. U emmnu, fdaw f’Alla. U Sara, martu, nisslet fi ħdanha. F’dik l-età! Dan hu Alla ta’ Abraham, Alla tagħna, li jimxi magħna.
Hekk Abraham sar ta’ ġewwa ma’ Alla, kapaċi anki jiddiskuti miegħu, imma dejjem fidil lejh. Tkellem u ddiskuta ma’ Alla. Sal-ogħla prova, meta Alla talbu jissagrifikalu proprju lil ibnu Iżakk, bin xjuħitu, l-uniku werriet. Hawn Abraham jgħix il-fidi bħala dramma, bħala mixja fl-għama tal-lejl, taħt sema din id-darba bla kwiekeb. U tant drabi dan jiġri lilna wkoll, li nimxu fid-dlam, imma bil-fidi. Alla nnifsu żamm id-driegħ ta’ Abraham li kien diġà lest biex jolqot, għax ra d-disponibbiltà tassew sħiħa tiegħu (ara Ġen 22:1-19).
Ħuti, nitgħallmu minn Abraham, nitgħallmu nitolbu bil-fidi: nisimgħu lill-Mulej, nimxu, niddjalogaw u niddiskutu. Ma nibżgħux niddiskutu ma’ Alla! Ħa ngħid ukoll ħaġa li tista’ tidher ereżija. Ħafna drabi ġie min qalli: “Taf xiex, ġrali hekk u rrabjajt ma’ Alla” – “Int kellek il-wiċċ tirrabja ma’ Alla?” – “Iva, irrabjajt” – “Imma din hi għamla ta’ talba”. Għax iben biss kapaċi jirrabja ma’ missieru u mbagħad jerġa’ jfittxu. Nitgħallmu minn Abraham kif nitolbu bil-fidi, niddjalogaw, niddiskutu, imma dejjem lesti nilqgħu l-kelma ta’ Alla u npoġġuha fil-prattika. Ma’ Alla, nitgħallmu nitkellmu kif iben jitkellem ma’ missieru: nisimgħuh, inweġbuh, niddiskutu. Imma trasparenti, bħal iben ma’ missieru. Hekk jgħallimna kif nitolbu Abraham. Grazzi.
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard