Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Inkomplu bil-katekeżi tagħna fuq it-tema tat-talb. Il-ktieb tal-Ġenesi, permezz tal-ġrajjiet tal-bnedmin ta’ żminijiet imbiegħda, jirrakkontalna stejjer li fihom nistgħu naraw mera ta’ ħajjitna. Fiċ-ċiklu tal-patrijarki nsibu wkoll dik ta’ bniedem li għamel mill-makakkerija l-aqwa talent tiegħu: Ġakobb. Ir-rakkont bibliku jkellimna fuq relazzjoni diffiċli li Ġakobb kellu ma’ ħuh Għesaw. Sa minn ċkunithom, bejniethom kien hemm rivalità, u minn dak iż-żmien din qatt ma ngħelbet għalkollox. Ġakobb hu t-tieni wild – kienu tewmin –, imma bil-qerq jirnexxilu jaħtaf minn idejn missieru Iżakk il-barka u d-don tal-primoġenitura (ara Ġen 25:19-34). Din hi biss l-ewwel minn serje twila ta’ makakkeriji li jasal għalihom dan il-bniedem bla skrupli. Anki l-isem “Ġakobb” ifisser xi ħadd li jiċċaqlaq minn post għall-ieħor b’makakkerija.
Imġiegħel jaħrab bogħod minn ħuh, f’ħajtu donnu jirnexxilu f’kulma jagħmel. Hu kapaċi fin-negozju: jistagħna ħafna fil-ġid, isir proprjetarju ta’ merħla kbira ħafna. B’perseveranza u sabar jirnexxilu jiżżewweġ lill-isbaħ waħda fost ulied Laban, li veru kien innamrat magħha. Ġakobb – kieku ngħidu bi kliem modern illum – huwa bniedem li wasal fejn ried b’għaraq ġbinu, bil-ħsieb, bil-makakkerija, jirnexxilu jikseb dak kollu li jixtieq. Imma tonqsu xi ħaġa. Tonqsu r-relazzjoni vera mal-għeruq tiegħu.
U jum wieħed iħoss id-dar issejjaħlu lura, art twelidu, fejn kien għadu jgħix Għesaw, ħuh li miegħu dejjem kellu relazzjoni ħażina. Ġakobb jitlaq u jagħmel vjaġġ twil b’karwana mimlija nies u bhejjem, sakemm jasal fl-aħħar tappa, fejn ix-xmara Ġabbok. Hawn il-ktieb tal-Ġenesi joffrilna paġna memorabbli (ara 32:23-33). Tirrakkonta kif il-patrijarka, wara li qasam ix-xmara lin-nies kollu tiegħu u lill-bhejjem kollha – li kienu ħafna –, baqa’ waħdu fuq ix-xatt l-ieħor. U ħaseb fuq x’kien hemm jistennieh. X’atteġġjament kien ħa jieħu ħuh Għesaw, li lilu kien seraqlu l-primoġenitura? F’moħħ Ġakobb kien hemm elf ħsieb idur… U, huwa u jidlam, ħabta u sabta jitfaċċa barrani li jaqbad u jibda jitqabad miegħu. Il-Katekiżmu jfissrilna: “It-tradizzjoni spiritwali tal-Knisja tara f’din il-ġrajja s-simbolu tat-talb bħala ġlieda tal-fidi u r-rebħa tal-perseveranza” (KKK, 2573).
Ġakobb jibqa’ jitqabad il-lejl sħiħ, u fl-ebda ħin ma jħalli jitlaq lill-avversarju tiegħu. Fl-aħħar iħossu mirbuħ, meta l-għadu tiegħu jolqtu fl-għaksa ta’ koxxtu, u minn hemm jibqa’ zopp għal ħajtu kollha. Dan il-ġellied misterjuż jistaqsi lill-patrijarka x’jismu u jgħidlu: “Ma jkunx aktar jismek Ġakobb, iżda Iżrael, għax int issarajt ma’ Alla u mal-bnedmin, u rbaħt” (v. 29). Qisu ried jgħidlu: qatt m’inti ħa tkun iżjed il-bniedem li jimxi hekk, imma dritt. Jibdillu ismu, jibdillu ħajtu, jibdillu mġibtu; tissejjaħ Iżrael. U hawn anki Ġakobb jistaqsi lill-ieħor: “Għidli x’jismek”. Dak ma jgħidlux, imma minflok ibierku. U Ġakobb jifhem li kien għadu kemm iltaqa’ ma’ Alla “wiċċ imb wiċċ” (ara vv. 30-31).
Titqabad ma’ Alla: metafora tat-talb. Drabi oħra Ġakobb kien wera li kapaċi jiddjaloga ma’ Alla, li jħossu bħala preżenza ta’ ħbiberija u fil-qrib. Imma f’dak il-lejl, minn dik it-taqbida li ġabet fit-tul u li ratu kważi jċedi, il-patrijarka ħareġ mibdul. Bidla tal-isem, bidla tal-mod kif jgħix u bidla tal-personalità: joħroġ mibdul. Għal darba ma baqax iżjed sid tas-sitwazzjoni – il-makakkerija tiegħu għal xejn ma swietlu –, ma baqax il-bniedem tal-istrateġiji u l-kalkoli; Alla reġġa’ laqqgħu mal-verità ta’ bniedem tad-demm u l-laħam li jitriegħed u jibża’, għax Ġakobb fit-taqbida beża’. Għal darba Ġakobb m’għandu xejn iżjed x’jippreżenta lil Alla ħlief id-dgħufja tiegħu u n-nuqqas ta’ ħila tiegħu, anki d-dnubiet tiegħu. U huwa dan Ġakobb li jirċievi mingħand Alla l-barka, li biha jidħol izappap fl-art imwiegħda: vulnerabbli, u midrub, imma b’qalb ġdida. Darba smajt wieħed anzjan jgħid – raġel tajjeb, Nisrani tajjeb, imma midneb li kellu tant fiduċja f’Alla – jgħid: “Alla jgħinni; mhux ħa jitlaqni waħdi. Għad nidħol il-Ġenna, inzappap, imma nidħol”. Ġakobb qabel kien żgur minnu nnifsu, kien jafda fil-makakkerija ta’ moħħu. Kien bniedem li l-grazzja ma setgħetx tgħaddi minnu, reżistenti għall-ħniena; ma kienx jaf x’inhija l-ħniena. “Hawnhekk hawn jien, jien nikkmanda!”, ma kienx iħossu fil-bżonn tal-ħniena. Imma Alla salva dak li kien mitluf. Fiehmu li kien limitat, li kien midneb li kellu bżonn tal-ħniena, u salvah.
Ilkoll kemm aħna għandna appuntament fil-lejl ma’ Alla, fil-lejl tal-ħajja tagħna, fil-ħafna ljieli tal-ħajja tagħna: mumenti mudlama, mumenti ta’ dnub, mumenti ta’ diżorjentament. Hemmhekk hemm appuntament ma’ Alla, dejjem. Hu jissorprendina fil-mument li l-inqas nistennew, fejn insibu ruħna li spiċċajna tassew waħidna. F’dak l-istess lejl, aħna u neħduha kontra min ma nafux, nagħrfu li aħna biss imsejkna bnedmin – ippermettuli ngħid “imsejkna” – imma, proprju hemm, fil-mument li fih inħossuna “msejkna”, m’għandniex għax nibżgħu: għax f’dak il-mument Alla jagħtina isem ġdid, li fih it-tifsira ta’ ħajjitna kollha; jibdlilna qalbna u jagħtina l-barka li hu jżomm għal min ħallieh jibdlu. Din hi stedina sabiħa biex inħallu lil Alla jibdilna. Hu jaf kif jagħmlu dan, għax hu jaf lil kull wieħed u waħda minna. “Mulej, inti tagħrafni”, dan jista’ jgħidu kull wieħed u waħda minna. “Mulej, inti tagħrafni. Ibdilni”.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard