9. “Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 5:10)
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Bl-udjenza tal-lum nagħlqu l-mixja fuq il-Beatitudnijiet tal-Vanġelu. Kif smajna, fl-aħħar waħda jiġi mxandar il-ferħ eskatoloġiku tal-ippersegwitati minħabba fil-ġustizzja.
Din il-beatitudni tħabbar l-istess ferħ tal-ewwel waħda: is-Saltna tas-Smewwiet hi ta’ dawk li huma ppersegwitati l-istess kif inhi tal-foqra fl-ispirtu; u hekk nifhmu li wasalna fi tmiem mixja waħda sħiħa mifruxa quddiemna mit-tħabbiriet ta’ qabel.
Il-faqar fl-ispirtu, il-biki, il-qalb ħelwa, l-għatx għall-qdusija, il-ħniena, il-qalb safja u l-opri tal-paċi jistgħu jwasslu għall-persekuzzjoni minħabba fi Kristu, imma din il-persekuzzjoni fl-aħħar hi kawża ta’ ferħ u ta’ ħlas kbir fis-smewwiet. It-triq tal-Beatitudnijiet hi mixja tal-Għid li minn ħajja skont id-dinja twassal għal dik skont Alla, minn ħajja mmexxija mill-ġisem – jiġifieri mill-egoiżmu – twassal għal dik immexxija mill-Ispirtu.
Id-dinja, bl-idoli tagħha, bil-kompromessi u l-prijoritajiet tagħha, ma tistax tapprova din it-tip ta’ ħajja. L-“istrutturi tad-dnub”,[1] spiss frott tal-mentalità umana, hekk barranin għall-Ispirtu tal-verità li d-dinja ma tistax tilqa’ (ara Ġw 14:17), ma jistgħux ħlief jirrifjutaw il-faqar jew il-qalb ħelwa jew is-safa u jiddikjaraw il-ħajja skont il-Vanġelu bħala żball jew problema, jiġifieri bħala ħaġa li għandha titwarrab. Hekk taħsibha d-dinja: “Dawn huma idealisti jew fanatiċi…”. Hekk jaħsbuha dawn.
Jekk id-dinja tgħix għall-flus, kull min jipprova juri li l-ħajja nistgħu ngħixuha bħala don jew fiċ-ċaħda tagħna nfusna jsir fastidju għas-sistema tar-regħba. Din il-kelma “fastidju” hija muftieħ, għax ix-xhieda Nisranija waħidha, li tant tagħmel ġid lil ħafna nies li tagħti widen għaliha, tagħti fastidju lil dawk li għandhom mentalità mondana. Jgħixuha bħala ċanfira għalihom. Meta tidher il-qdusija u tinkixef il-ħajja ta’ wlied Alla, f’dak il-ġmiel hemm xi ħaġa skomda li ssejjaħ lil dak li jkun biex jieħu pożizzjoni: jew iħallih jisfidah u jinfetaħ għat-tajjeb, jew jiċħad dak id-dawl u jwebbes qalbu, anki sal-punt tal-oppożizzjoni u r-rabja (ara Għerf 2:14-15). Kurjuż u jiġbed l-attenzjoni l-fatt li, fil-persekuzzjonijiet tal-martri, l-ostilità tikber sal-punt tar-rabja. Biżżejjed naraw il-persekuzzjonijiet tas-seklu l-ieħor, tad-dittaturi Ewropej: kif waslu biex ħaduha b’qilla kontra l-Insara, kontra x-xhieda Nisranija u kontra l-erojċità tal-Insara.
Imma dan juri li t-traġedja tal-persekuzzjonijiet hija wkoll il-post tal-ħelsien mill-jasar għas-suċċess, għall-vanaglorja u għall-kompromessi tad-dinja. Biex jifraħ min hu rrifjutat mid-dinja minħabba fi Kristu? Jifraħ li sab xi ħaġa tiswa iżjed mid-dinja kollha. Fil-fatt, “x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?” (Mk 8:36). X’vantaġġ hemm?
Qalbna tuġagħna niftakru kif, bħalissa, hawn ħafna Nsara li qed iġarrbu persekuzzjonijiet f’bosta rkejjen tad-dinja, u rridu nittamaw u nitolbu li llum qabel għada t-tiġrib tagħhom jintemm. Huma ħafna: il-martri ta’ żmienna huma iżjed mill-martri tal-ewwel sekli. Lil dawn ħutna nesprimulhom il-qrubija tagħna: aħna ġisem wieħed, u dawn l-Insara huma l-membri jdemmgħu tal-ġisem ta’ Kristu li hi l-Knisja.
Imma jeħtieġ noqogħdu attenti wkoll biex ma naqrawx din il-beatitudni f’dawl vittimistiku, biex noqogħdu nitħassru lilna nfusna. Fil-fatt, mhux dejjem iż-żebliħ tal-bnedmin hu sinonimu ma’ persekuzzjoni: proprju ftit wara Ġesù jgħid li l-Insara huma l-“melħ tal-art”, u jwissina biex ma “nitilfux it-togħma”, inkella l-melħ “ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies” (Mt 5:13). Jiġifieri, hemm żebliħ li hu tort tagħna, meta nitilfu t-togħma ta’ Kristu u tal-Vanġelu.
Jeħtieġ nibqgħu fidili għall-mixja umli tal-Beatitudnijiet, għax hija din li twassalna biex inkunu ta’ Kristu u mhux tad-dinja. Tajjeb niftakru fil-mixja ta’ San Pawl: meta ħaseb li kien ġust, fil-fatt kien persekutur, imma meta skopra li kien persekutur, sar bniedem li jħobb, li ġarrab bil-ferħ it-tbatijiet tal-persekuzzjoni (ara Kol 1:24).
L-esklużjoni u l-persekuzzjoni, jekk Alla jagħtina l-grazzja, jagħmluna nixbhu lil Kristu mislub u, waqt li jxerkuna mal-passjoni tiegħu, isiru l-manifestazzjoni tal-ħajja ġdida. Din il-ħajja hija l-istess ta’ Kristu, li għalina l-bnedmin u għas-salvazzjoni tagħna kien “imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin” (ara Iż 53:3; Atti 8:3-35). Jekk nilqgħu l-Ispirtu tiegħu jista’ jkollna tant imħabba fil-qalb tagħna li noffru ħajjitna għad-dinja mingħajr ma nagħmlu kompromessi mal-qerq tagħha jew nilqgħu r-rifjut tagħha. Il-kompromessi mad-dinja huma l-periklu: in-Nisrani hu dejjem ittentat jagħmel kompromessi mad-dinja, mal-ispirtu tad-dinja. Din – li nirrifjutaw il-kompromessi u nimxu fit-triq ta’ Ġesù Kristu – hija l-ħajja tas-Saltna tas-Smewwiet, l-ikbar hena, il-veru ferħ. U mbagħad, fil-persekuzzjonijiet dejjem hemm il-preżenza ta’ Ġesù li jimxi magħna, il-preżenza ta’ Ġesù li jfarraġna u l-qawwa tal-Ispirtu li tgħinna nimxu ’l quddiem. Ejjew ma naqtgħux qalbna meta ħajja koerenti mal-Vanġelu tiġbed fuqna l-persekuzzjonijiet tal-oħrajn: hemm l-Ispirtu li jweżinna, f’din it-triq.
Maqluba għall-Malti minn
Francesco Pio Attard
[1] Ara Diskors lill-parteċipanti fil-workshop “Għamliet ġodda ta’ fraternità solidali, ta’ inklużjoni, integrazzjoni u innovazzjoni”, 5 ta’ Frar 2020: “L-idolatrija tal-flus, ir-regħba, il-korruzzjoni, huma kollha ‘strutturi ta’ dnub’ – kif kien isejħilhom Ġwanni Pawlu II – prodotti mill-‘globalizzazzjoni tal-indifferenza’”.