Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
It-talb hu djalogu ma’ Alla; u kull ħlejqa, f’ċertu sens, “tiddjaloga” ma’ Alla. Fil-bniedem, it-talb isir kelma, invokazzjoni, għanja, poeżija… Il-Kelma divina saret laħam, u fil-ġisem ta’ kull bniedem il-kelma terġa’ lura għand Alla fit-talb.
Il-kelmiet huma ħolqien tagħna, imma huma wkoll ommijiet tagħna, u b’xi mod jagħġnuna. Il-kelmiet ta’ talba jgħadduna bla periklu ta’ xejn minn wied mudlam, imexxuna lejn mergħat kollhom ħdura u b’ilmijiet kotrana, iħejju mejda għalina quddiem l-għedewwa tagħna, kif jgħallimna ngħidu s-Salm (ara Salm 23). Il-kelmiet jitwieldu mis-sentimenti, imma l-mixja tista’ tkun ukoll bil-kontra: fejn il-kliem jagħġen is-sentimenti. Il-Bibbja teduka lill-bniedem biex iħabrek ħalli kollox ikun għad-dawl tal-kelma, biex xejn minn dak li hu tal-bniedem ma jitħalla barra, jew jiġi ċċensurat. Fuq kollox l-uġigħ hu perikoluż jekk jibqa’ mgħotti, magħluq fina… Tbatija magħluqa ġewwa fina, li ma tistax tesprimi ruħha jew tiżvoga, tista’ tavvelena lir-ruħ; toqtolha.
Hu għal din ir-raġuni li l-Iskrittura Mqaddsa tgħallimna nitolbu wkoll bi kliem xi kultant qalbieni. Il-kittieba mqaddsa ma jridux jidħku bina meta jitkellmu fuq il-bniedem: jafu li fil-qalb tiegħu jbejtu wkoll sentimenti li ftit jedifikaw, saħansitra l-mibegħda. Ħadd minna ma jitwieled qaddis, u meta dawn is-sentimenti koroh iħabbtu l-bieb tal-qalb tagħna hemm bżonn inkunu kapaċi nżarmawhom bil-qawwa tat-talb u bil-kelmiet ta’ Alla. Fis-Salmi nsibu wkoll espressjonijiet ibsin ħafna kontra l-għedewwa – espressjonijiet li l-imgħallmin spiritwali jgħallmuna nirreferuhom għax-xitan u għad-dnubiet tagħna –; imma huma kelmiet li ġejjin mir-realtà umana u li sabu posthom fil-Iskrittura Mqaddsa. Qegħdin hemm biex juruna li, kieku quddiem il-vjolenza ma kienx hemm il-kliem, biex lis-sentimenti koroh iżommhom milli jsiru offiża, biex ilaħħamhom b’mod imma li ma jagħmlux ħsara, id-dinja kienet tingħeleb għalkollox minnha.
L-ewwel talba umana hi dejjem reċita tal-fomm. L-ewwel li jiċċaqilqu huma dejjem ix-xufftejn. Anki jekk ilkoll nafu li t-talb ma jfissirx tirrepeti l-kliem, madankollu t-talb bil-fomm hu l-iżjed wieħed ċert u dejjem possibbli tgħidu. Min-naħa l-oħra, is-sentimenti, ikunu kemm ikunu nobbli, huma dejjem inċerti: jiġu u jmorru, jitilquna u jerġgħu jiġu lura. Mhux hekk biss, anki l-grazzji tat-talb huma imprevedibbli: jiġu mumenti li fihom il-faraġ ikun kotran, imma fil-jiem l-iżjed mudlama donnhom jidhru għebu għalkollox. It-talb tal-qalb hu misterjuż u f’ċerti mumenti jistaħba. Imma t-talb tal-fomm, dak li ngħidu minn taħt l-ilsien jew dak li nirreċtaw kor wieħed flimkien, hu dejjem disponibbli, u meħtieġ daqs ix-xogħol tal-idejn. Il-Katekiżmu jgħid: “It-talb bil-fomm hu ħaġa li l-ħajja Nisranija ma tistax tgħaddi mingħajrha. Lid-dixxipli, miġbudin mit-talb fis-skiet tal-Imgħallem tagħhom, il-Mulej għallimhom jitolbu bil-fomm, għallimhom il-‘Missierna’” (n. 2701). “Għallimna nitolbu”, talbuh id-dixxipli lil Ġesù, u Ġesù għallimhom talba bil-fomm: il-Missierna. U f’dik it-talba hemm kollox.
Ilkoll kemm aħna għandu jkollna l-umiltà ta’ ċerti anzjani li, fil-knisja, forsi għax issa s-smigħ tagħhom m’għadux daqshekk fin, jirreċtaw b’vuċi li tinstema’ t-talbiet li tgħallmu meta kienu għadhom tfal, u jimlew il-korsija bit-tpespis. Dik it-talba ma tiddisturbax is-skiet, imma hi xhieda tal-fedeltà għad-dmir tat-talb, ipprattikat tul ħajja sħiħa, mingħajr qatt ma naqas. Dawn li jitolbu b’din it-talba umli huma spiss l-interċessuri l-kbar tal-parroċċi: huma z-zkuk li sena wara l-oħra jwessgħu l-friegħi tagħhom, biex joffru dell għal iktar nies taħthom. Alla biss jaf kif u kemm qalbhom hi magħquda ma’ dawk it-talbiet li jkunu jgħidu: żgur li anki dawn il-persuni kellhom jaffrontaw iljieli u mumenti ta’ vojt. Imma lejn it-talb tal-fomm dejjem tista’ tibqa’ fidil. Hu bħal ankra: taqbad mal-ħabel biex tibqa’ hemm, fidil, jiġri x’jiġri.
Ilkoll għandna x’nitgħallmu mill-perseveranza kostanti ta’ dak il-pellegrin Russu, li dwaru titkellem opra ċelebri ta’ spiritwalità, li tgħallem l-arti tat-talb billi qagħad itenni bla waqfien l-istess invokazzjoni: “Ġesù, Kristu, Iben Alla, Mulej, ħenn għalina, midinbin!” (ara KKK, 2616; 2667). Dan biss kien itenni. Jekk jaslu grazzji fil-ħajja tiegħu, jekk it-talb isir jum tassew sħun hekk li kważi jista’ jħoss il-preżenza tas-Saltna hawn f’nofsna, jekk ħarstu tinbidel sakemm issir bħal dik ta’ tfajjel ċkejken, dan għaliex insista li jkompli jtenni sempliċi ġakulatorja Kristjana. Fl-aħħar, din issir parti min-nifs li jieħu. Kemm hi sabiħa l-istorja tal-pellegrin Russu: huwa ktieb li kulħadd jista’ jifhmu. Nissuġġerilkom taqrawh: jgħinkom tifhmu x’inhu t-talb tal-fomm.
Mela, ma rridux nistkerrhu t-talb tal-fomm. Xi ħadd forsi jgħid: “Eħ, dik ħaġa tat-tfal, tal-injoranti; jien qed infittex it-talb mentali, il-meditazzjoni, il-vojt interjuri biex inħalli lil Alla jimlieh”. Nitlobkom, ma rridux naqgħu fis-suppervja li nistmerru t-talb tal-fomm. Huwa t-talb tas-sempliċi, dak li għallimna Ġesù: Missierna, li inti fis-smewwiet… It-talbiet li llissnu jaqbdulna jdejna; f’xi mument iroddulna l-gost, iqanqlu mill-ġdid anki l-iktar qalb bierda; iqajmu sentimenti li konna nsejniehom, li jindirizzaw lejn Alla l-mistoqsijiet li hu jrid jisma’. Ġesù ma telaqniex fiċ-ċpar. Qalilna: “Intom, meta titolbu, għidu hekk!”. U għallimna t-talba tal-Missierna (ara Mt 6:9).
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard