Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum il-katekeżi hi ddedikata lit-talb f’komunjoni ma’ Marija, u ħabtet tajjeb lejlet is-Solennità tat-Tħabbira tal-Mulej. Nafu li t-triq li fiha nitgħallmu nitolbu bħala Nsara hija l-umanità ta’ Ġesù. Fil-fatt, il-kunfidenza tipika tat-talb Nisrani tkun nieqsa mis-sinifikat tagħha kieku ma seħħitx l-Inkarnazzjoni tal-Verb, li fl-Ispirtu tana r-relazzjoni filjali tiegħu mal-Missier. Smajna, fil-qari, dwar kif id-dixxipli, in-nisa twajba u Marija nġabru flimkien fit-talb, wara t-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema: kienet l-ewwel komunità Nisranija li kienet qed tistenna d-don ta’ Ġesù, il-wegħda ta’ Ġesù.

Kristu huwa l-Medjatur, il-pont li minnu ngħaddu biex induru lejn il-Missier (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2674). Huwa l-uniku Feddej: ma hemmx korredenturi ma’ Kristu. Huwa l-Medjatur per eċċellenza, huwa l-Medjatur. Kull talba li nagħmlu lil Alla hija bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu u sseħħ grazzi għall-interċessjoni tiegħu. L-Ispirtu s-Santu jwessa’ l-medjazzjoni ta’ Kristu għal kull żmien u għal kull post: ma hemmx isem ieħor li bih nistgħu nkunu salvi (ara Atti 4:12). Ġesù Kristu: il-Medjatur waħdieni bejn Alla u l-bnedmin.

Mill-medjazzjoni waħdanija ta’ Kristu jieħdu sens u valur il-punti ta’ riferiment l-oħra li n-Nisrani jsib għat-talb u l-qima tiegħu, qabelxejn dak tal-Verġni Marija, Omm Ġesù.

Fil-ħajja, u allura anki fit-talb tan-Nisrani hi għandha post ipprivileġġjat, għax hija l-Omm ta’ Ġesù. Il-Knejjes tal-Lvant spiss ġabuha bħala l-Hodigitria, dik li “turi t-triq”, jiġifieri Binha Ġesù Kristu. Tiġini f’moħħi dik ix-xbieha sabiħa antika tal-Hodigitria fil-Katidral ta’ Bari, sempliċi: il-Madonna li turi lil Ġesù, għeri. Imbagħad poġġewlu għata fuqu biex jgħattu dak l-għera, imma l-verità hi li Ġesù hu għeri, biex jurina li hu, bniedem imwieled minn Marija, huwa l-Medjatur. U hi turina lill-Medjatur: hija l-Hodigitria. Fl-ikonografija Nisranija l-preżenza tagħha tinsab kullimkien, xi drabi anki bi prominenza kbira, imma dejjem f’relazzjoni ma’ Binha u biex twassalna għandu. Idejha, għajnejha, l-atteġġjament tagħha huma “katekiżmu” ħaj u dejjem juruna l-fus, iċ-ċentru: Ġesù. Marija hija għalkollox indirizzata lejh (ara KKK, 2674). Tant li nistgħu ngħidu li iktar hi dixxiplu milli Omm. Dik l-indikazzjoni li tagħti, fit-tieġ ta’ Kana; Marija tgħidilhom: “Agħmlu dak li jgħidilkom Hu”. Dejjem turina lil Kristu; hija l-ewwel dixxiplu tiegħu.

Dan huwa r-rwol li kellha Marija tul ħajjitha kollha fuq din l-art u li tibqa’ żżomm għal dejjem: hija l-qaddejja umli tal-Mulej, xejn iżjed. F’ċertu punt, fil-Vanġeli, hi kważi tgħib għalkollox mix-xena; imma tirritorna fil-mumenti kruċjali, bħal f’Kana, meta Binha, grazzi għall-intervent tagħha mimli għożża, jagħmel l-ewwel “sinjal” (ara Ġw 2:1-12), u mbagħad fuq il-Golgota, f’riġlejn is-salib.

Ġesù kompla wessa’ l-maternità ta’ Marija għal fuq il-Knisja kollha meta fdalha d-dixxiplu l-maħbub, ftit qabel ma miet fuq is-salib. Minn dak il-ħin, aħna ninsabu lkoll għall-kenn tal-mant tagħha, kif naraw f’ċerti affreski jew kwadri Medjevali. Anki l-ewwel antifona Latina – Sub tuum præsidium confugimus, sancta Dei Genitrix: il-Madonna li, bħala l-Omm li f’idejha fdana Ġesù, tħaddan lilna lkoll; imma bħala Omm, mhux bħala alla, mhux bħala korredentriċi: bħala Omm. Huwa minnu li d-devozzjoni Nisranija dejjem tagħtiha titli mill-isbaħ, kif jagħmel iben lil ommu: kemm ħwejjeġ sbieħ jgħid iben lil ommu li jħobb! Imma noqogħdu attenti: il-ħwejjeġ sbieħ li l-Knisja u l-qaddisin jgħidu fuq Marija ma jneħħu xejn mill-uniċità feddejja ta’ Kristu. Huwa l-Feddej waħdieni. Huma espressjonijiet ta’ mħabba ta’ iben lejn ommu – kultant esaġerati. Imma l-imħabba, dan nafuh, dejjem twassalna nagħmlu ħwejjeġ esaġerati, imma bi mħabba.

U hekk bdejna nitolbuha b’xi espressjonijiet diretti lejha, li nsibuhom fil-Vanġeli: “mimlija bil-grazzja”, “imbierka fost in-nisa” (ara KKK, 2676s). Fit-talba tas-Sliema ma damx ma wasal ukoll it-titlu “Theotokos”, “Omm Alla”, li ħareġ bih il-Konċilju ta’ Efesu. U, l-istess kif ġara fil-Missierna, mal-ġieħ inżidu s-supplika: nitolbu lill-Omm titlob għalina midinbin, biex tidħol għalina bil-ħlewwa u t-tjieba tagħha, “issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna”. Issa, fis-sitwazzjonijiet konkreti tal-ħajja, u fl-aħħar mument, biex tkun magħna – bħala Omm, bħala l-ewwel dixxiplu – fil-passaġġ tagħna għall-ħajja ta’ dejjem.

Marija hi dejjem preżenti ħdejn is-sodda tal-mewt ta’ wliedha li jkunu qed iħallu din id-dinja. Jekk xi ħadd isib ruħu waħdu jew abbandunat, hija l-Omm, tinsab qrib tiegħu, kif kienet maġenb Binha meta kulħadd kien telqu.

Marija kienet u hi preżenti fil-jiem tal-pandemija, qrib tal-persuni li b’xorti ħażina temmu l-mixja tagħha fuq din l-art waħidhom, mingħajr il-faraġ li jkollhom qribhom l-għeżież tagħhom. Marija tinsab dejjem hemm, qrib tagħna, bil-ħlewwa tagħha ta’ omm.

It-talbiet li nagħmlulha mhumiex għalxejn. Mara tal-“iva”, li kienet pronta laqgħet l-istedina tal-Anġlu, twieġeb ukoll għat-talbiet tagħna, tisma’ l-ilħna tagħna, imqar dawk li jibqgħu magħluqa fil-qalb, li ma jsibu qatt il-qawwa li joħorġu imma li Alla jafhom aħjar minna stess. Tismagħhom bħala Omm. Bħal kull omm twajba u iżjed minn hekk, Marija tindukrana fil-perikli, titħasseb għalina wkoll, anki meta nkunu medhija fil-ħwejjeġ tagħna u nitilfu s-sens tal-mixja, u nqiegħdu fil-periklu mhux biss is-saħħa tagħna imma anki s-salvazzjoni tagħna. Marija tinsab hemm, titlob għalina, titlob għal min ma jitlobx. Titlob magħna. Għaliex? Għax hija l-Omm tagħna.

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard