Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum nixtieq nieqaf fuq ir-rabta bejn it-talb u x-xirka tal-qaddisin. Fil-fatt, meta nitolbu, dan qatt ma nagħmluh waħidna: imqar jekk ma naħsbux fuq hekk, aħna mgħaddsin fi xmara maestuża ta’ invokazzjonijiet li kienet hemm qabilna u tibqa’ sejra warajna.
Fit-talbiet li nsibu fil-Bibbja, u li spiss jidwu fil-liturġija, hemm il-ħjiel ta’ stejjer qodma, ta’ ġrajjiet ta’ ħelsien tal-għaġeb, ta’ deportazzjonijiet u eżilji kiebja, ta’ ritorni mqanqla, ta’ tifħir li jgelgel quddiem il-ġmiel tal-ħolqien… U hekk dawn l-ilħna jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra, f’nisġa kontinwa bejn l-esperjenza personali u dik tal-poplu u tal-umanità li minnha nagħmlu parti. Ħadd ma jista’ jinqata’ mill-istorja tiegħu, mill-istorja tal-poplu tiegħu, fid-drawwiet tagħna dejjem qed inġorru dan il-wirt u anki fit-talb. Fit-talb ta’ tifħir, speċjalment f’dak li joħroġ mill-qalb taċ-ċkejknin u tal-umli, jidwi xi ħaġa mill-kant tal-Magnificat li Marija għolliet lil Alla quddiem qaribtha Eliżabetta; jew tal-esklamazzjoni tax-xwejjaħ Xmun li, meta ħa f’dirgħajh lil Ġesù Tarbija, qal hekk: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek” (Lq 2:29).
It-talbiet – dawk tajbin – jixterdu, kontinwament jixterdu, kemm bil-messaġġi fuq il-midja soċjali u kemm mingħajrhom: fil-kurituri tal-isptarijiet, fil-mumenti ta’ festa flimkien kif ukoll f’dawk fejn wieħed ibati waħdu fis-skiet… It-tbatija ta’ persuna hi t-tbatija ta’ kulħadd, u l-ferħ ta’ wieħed jissawwab fir-ruħ ta’ oħrajn. In-niket u l-ferħ jagħmlu parti minn storja waħda: huma stejjer li jsiru storja fil-ħajja ta’ dak li jkun. Wieħed jgħix l-istorja fi kliemu stess, imma l-esperjenza hi l-istess waħda.
L-ewwel mod kif nitolbu għal xi ħadd hu billi nkellmu lil Alla dwaru jew dwarha. Jekk dan nagħmluh ta’ spiss, ta’ kuljum, qalbna ma tingħalaqx, tibqa’ miftuħa għal ħutna.
It-talbiet dejjem jitwieldu mill-ġdid: kull darba li ngħaqqdu jdejna u niftħu qalbna għal Alla, insibu ruħna fil-kumpanija ta’ qaddisin anonimi u ta’ qaddisin magħrufin li magħna qed jitolbu, u għalina jaqbżu, bħala ħutna l-kbar li diġà għaddew mill-istess avventura umana tagħna. Fil-Knisja ma hemmx luttu li jibqa’ waħdu, ma hemmx demgħa li ċċarċar bla ma raha ħadd, għax kollox jieħu n-nifs u jieħu sehem fi grazzja komuni. Mhux ta’ b’xejn li fil-knejjes il-qodma d-dfin kien isir proprju fil-ġnien ta’ madwar il-binja qaddisa, bħal biex jingħad li f’kull Ewkaristija hemm jieħdu sehem b’xi mod il-ġemgħa ta’ dawk kollha li ġew qabilna. Hemm il-ġenituri tagħna u n-nanniet tagħna, hemm il-parrini tagħna, hemm il-katekisti u l-edukaturi l-oħra… Dik il-fidi li ġiet mgħoddija, trażmessa, li aħna rċivejna: bil-fidi ġie mgħoddi lilna wkoll il-mod ta’ kif nitolbu, it-talb.
Il-qaddisin għadhom hawn, mhumiex imbegħdin minna; u r-raffigurazzjonijiet tagħhom fil-knejjes jevokaw dik is-“sħaba ta’ xhieda” li dejjem għandna madwarna (ara Lhud 12:1). Smajnieh fil-bidu l-qari tas-silta mill-Ittra lil-Lhud. Huma xhieda li ma nadurawhomx – naturalment, aħna ma nadurawhomx lil dawk il-qaddisin –, imma li nqimuhom u li b’elf mod differenti jwassluna għand Ġesù Kristu, l-uniku Mulej u Medjatur bejn Alla u l-bniedem. Jekk hemm qaddis li ma jibagħtekx lura għand Ġesù Kristu, dan mhuwiex qaddis, lanqas hu Nisrani. Il-qaddis ifakkrek f’Ġesù Kristu għax hu għamel il-mixja tal-ħajja bħala Nisrani. Il-qaddisin ifakkruna li anki f’ħajjitna, imqar jekk dgħajfa u mmarkata mid-dnub, tista’ twarrad il-qdusija. Fil-Vanġeli naqraw li l-ewwel qaddis “ikkanonizzat” kien ħalliel u ma ġiex “ikkanonizzat” minn xi Papa, imma minn Kristu nnifsu. Il-qdusija hija mixja ta’ ħajja, ta’ laqgħa ma’ Ġesù, twila jew qasira, imqar jekk ta’ mument wieħed, imma dejjem hija xhieda. Dik tal-qaddis hi x-xhieda ta’ raġel jew mara li ltaqgħu ma’ Ġesù u li mxew wara Ġesù. Qatt ma hu tard wisq biex nikkonvertu u nduru lejn il-Mulej, li hu twajjeb u kbir fl-imħabba (ara Salm 102:8).
Il-Katekiżmu jfisser kif il-qaddisin “qed jaraw ’l Alla wiċċ imb wiċċ, ifaħħruh u ma jehdew qatt jieħdu ħsieb lil dawk li ħallew fuq l-art. […] It-talb tagħhom hu l-ogħla qadi tal-Pjan ta’ Alla. Aħna nistgħu u għandna nitolbuhom jidħlu għalina u għad-dinja kollha” (KKK, 2683). Fi Kristu hemm solidarjetà misterjuża bejn dawk li għaddew għall-ħajja l-oħra u aħna l-pellegrini f’din ta’ hawn: l-għeżież mejtin tagħna, mis-Sema jkomplu jieħdu ħsiebna. Huma jitolbu għalina u aħna nitolbu għalihom, u aħna nitolbu magħhom.
Din ir-rabta ta’ talb bejna u bejn il-qaddisin, jiġifieri bejna u l-persuni li waslu diġà fil-milja tal-ħajja, din ir-rabta ta’ talb inħossuha diġà minn hawn, fil-ħajja fuq din l-art: nitolbu għal xulxin, nitolbu l-għajnuna u noffru talbiet… L-ewwel mod kif nitolbu għal xi ħadd hu billi nkellmu lil Alla dwaru jew dwarha. Jekk dan nagħmluh ta’ spiss, ta’ kuljum, qalbna ma tingħalaqx, tibqa’ miftuħa għal ħutna. Li nitolbu għal xulxin hu l-ewwel mod kif inħobbuhom u jwassalna biex tassew inkunu qrib tagħhom. Anki fil-mumenti ta’ ġlied, mod ta’ kif insolvu t-tilwim, inrattbuh, hu billi nitlob għall-persuna li magħha jiena miġġieled. U bit-talb xi ħaġa tinbidel. L-ewwel ħaġa li tinbidel hija qalbi, hi l-imġiba tiegħi. Il-Mulej jibdilha biex jagħmel il-laqgħa possibbli, laqgħa ġdida, u nevitaw li l-ġlieda ssir gwerra bla tmiem.
L-ewwel mod kif naffrontaw żmien ta’ tbatija hu billi nitolbu lil ħutna, lill-qaddisin fuq kollox, biex jitolbu għalina. L-isem li ngħatalna fil-Magħmudija mhuwiex xi tikketta jew tiżjin! Normalment hu l-isem tal-Verġni Marija, ta’ qaddis jew ta’ qaddisa, li ma jistennew xejn minna għajr li “jagħtuna daqqa t’id” fil-ħajja, jagħtuna daqqa t’id biex niksbu mingħand Alla l-grazzja li għandna bżonn. Jekk f’ħajjitna l-provi għadhom ma kaxkruniex magħhom, jekk għad għandna l-ħila tal-perseveranza, jekk minkejja kollox nibqgħu mexjin ’il quddiem b’fiduċja, forsi dan kollu, iktar milli lill-merti tagħna, nafuh lill-interċessjoni ta’ tant qaddisin, xi wħud fis-Sema, oħrajn pellegrini bħalna fuq din l-art, li pproteġewna u mxew magħna għax ilkoll nafu li hawn fuq din l-art hawn nies qaddisin, irġiel u nisa qaddisa li jgħixu l-qdusija. Huma ma jafux, lanqas aħna ma nafuh, imma hawn qaddisin, qaddisin ta’ kuljum, qaddisin moħbija jew, kif inħobb ngħid, il-“qaddisin tal-bieb ta’ maġenbna”, dawk li jgħixu l-ħajja magħna, li jaħdmu magħna, u jgħixu ħajja qaddisa.
Ħa jkun, mela, imbierek Ġesù Kristu, Feddej waħdieni tad-dinja, flimkien ma’ dan il-ġnien immens ta’ qaddisin irġiel u nisa, li bihom miżgħuda l-art u li għamlu minn ħajjithom għanja ta’ ġieħ lil Alla. Għax – kif stqarr San Bażilju – “il-qaddis hu l-post adatt għall-Ispirtu, għax il-qaddis joffri lilu nnifsu biex jgħammar ma’ Alla u jissejjaħ tempju tiegħu” (Liber de Spiritu Sancto, 26, 62: PG 32, 184A; ara KKK, 2684).
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard