Katekeżi fuq ix-Xjuħija: 13. Nikodemu. “Kif jista’ wieħed jitwieled wara li jkun xjieħ?” (Ġw 3:4)
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fost il-figuri ta’ anzjani l-iżjed rilevanti fil-Vanġeli hemm Nikodemu – wieħed mill-mexxejja tal-Lhud –, li ried isir jaf lil Ġesù, imma mar għandu fis-satra tal-lejl (ara Ġw 3:1-21). Fil-kollokju ta’ Ġesù ma’ Nikodemu toħroġ il-qalba tar-rivelazzjoni ta’ Ġesù u tal-missjoni feddejja tiegħu, meta jgħid: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (v. 16).
Ġesù lil Nikodemu jgħidlu li biex “jara s-saltna ta’ Alla” hemm bżonn “jitwieled mill-għoli” (ara v. 3). Dan ma jfissirx li biex nitwieldu rridu nerġgħu nibdew mill-bidu, nirrepetu l-miġja tagħna fid-dinja, bit-tama li xi riinkarnazzjoni ġdida terġa’ tiftħilna l-possibbiltà għal ħajja aħjar. Din ir-ripetizzjoni ma tagħmilx sens. Anzi, tkun tiżvojta minn kull sens il-ħajja li nkunu għexna, tħassarha bħallikieku kien esperiment li falla, valur skadut, vojt mitluf. Le, mhuwiex dan, dan it-twelid mill-ġdid li dwaru qed jitkellem Ġesù: hu ħaġa oħra. Din il-ħajja hi prezzjuża f’għajnejn Alla: tidentifikana bħala ħlejjaq maħbuba minnu bi ħlewwa. It-“twelid mill-għoli”, li bih nistgħu “nidħlu” fis-saltna ta’ Alla, hu tnissil fl-Ispirtu, mogħdija qalb l-ilmijiet lejn l-art imwiegħda ta’ ħolqien irrikonċiljat mal-imħabba ta’ Alla. Hu twelid mill-ġdid mill-għoli, bil-grazzja ta’ Alla. Mhuwiex twelid mill-ġdid għal darb’oħra fil-ġisem.
Nikodemu ma jifhimx dan it-twelid x’inhu, u jsemmi x-xjuħija bħala prova li ma hux possibbli: la aħna bnedmin, bla dubju ħa nixjieħu, il-ħolma ta’ żgħożija eterna titbiegħed minna darba għal dejjem, il-mewt hi d-destin ta’ kull twelid li jseħħ fiż-żmien. Kif nistgħu nimmaġinaw destin li għandu l-bixra ta’ twelid? Nikodemu hekk jaħsibha u ma jistax isib mod kif jifhem kliem Ġesù. Dan it-twelid mill-ġdid, x’inhu?
L-oġġezzjoni ta’ Nikodemu tista’ tgħallimna ħafna. Fil-fatt nistgħu ndawruha bil-kontra, fid-dawl tal-kelma ta’ Ġesù, fil-kixfa ta’ missjoni li hi proprja tax-xjuħija. Fil-fatt, li nkunu xjuħ mhux biss mhuwiex xkiel għat-twelid mill-għoli li dwaru qed jitkellem Ġesù, imma jsir iż-żmien it-tajjeb biex indawluh, u neħilsuh mill-ekwivoku ta’ tama mitlufa. Iż-żmien u l-kultura tagħna, li juru t-tendenza preokkupanti li jqisu t-twelid ta’ wild bħala sempliċi kwistjoni ta’ produzzjoni u ta’ riproduzzjoni bijoloġika tal-essri uman, imbagħad jikkultivaw il-mit taż-żgħożija eterna bħala l-ossessjoni – iddisprata – ta’ ġisem li ma jintemmx. Għaliex ix-xjuħija hi – b’ħafna modi – mistkerrha. Għax iġġib magħha l-prova li ma tistax tmeriha li dan il-mit mhuwiex minnu, meta jridna nerġgħu lura fil-ġuf ta’ ommna, biex nirritornaw għal dejjem żgħażagħ fil-ġisem.
Kif qatt din il-kultura tal-iskart tista’ tiddeċiedi li tarmi lix-xjuħ, u tqishom bla siwi? Ix-xjuħ huma l-messaġġiera tal-futur, ix-xjuħ huma l-messaġġiera tal-ħlewwa, ix-xjuħ huma l-messaġġiera tal-għerf ta’ ħajja li ngħexet
It-teknoloġija tinġibed lejn dan il-mit bil-modi kollha: nixtiequ negħlbu lill-mewt, nistgħu nżommu ħaj il-ġisem bil-mediċina u l-kożmetika, li jtawlu, jaħbu, ineħħu x-xjuħija. Naturalment, il-benessri hu ħaġa, imma t-trewwiħ ta’ mit hu ħaġa oħra. Imma ma nistgħux niċħdu li l-konfużjoni bejn iż-żewġ aspetti qed toħolqilna ċerta konfużjoni mentali. Nifxlu l-benessri mat-trewwiħ tal-mit taż-żgħożija eterna. Nagħmlu minn kollox biex jerġa’ jkollna dejjem din iż-żgħożija: tant irtokki, tant interventi kirurġiċi biex nidhru għadna żgħar. Jiġini f’moħħi l-kliem għaref ta’ attriċi Taljana, Magnani, meta qalulha li riedu jneħħulha t-tikmix, u hi qaltilhom: “Le, tmissuhomx! Dawk tgħidx kemm ħaduli snin biex ġibthom: tmissuhomx!”. Hekk hu: it-tikmix hu s-simbolu tal-esperjenza, simbolu tal-ħajja, simbolu tal-maturità, simbolu li mxejna triq. Tmissuhomx biex issiru żgħażagħ, imma żgħażagħ tal-qoxra: dak li jinteressa huwa l-personalità kollha, dak li jinteressa huwa l-qalb, u l-qalb tibqa’ b’dik iż-żgħożija tal-inbid it-tajjeb, li iktar ma jixjieħ iktar jitjieb.
Il-ħajja fil-ġisem li jintemm hi realtà “inkompluta” mill-isbaħ: bħal ċerti opri tal-arti li proprju fl-inkompletezza tagħhom għandhom seħer uniku. Għax il-ħajja hawn isfel hi “inizjazzjoni”, mhux il-milja: niġu fid-dinja proprju hekk, bħala persuni reali, bħala persuni li jikbru fl-età, imma huma għal dejjem reali. Imma l-ħajja fil-ġisem li jmut hi spazju u żmien żgħar wisq biex inżommuha intattata u nwasslu għall-milja tagħha l-parti l-iżjed prezzjuża tal-ħajja tagħna fiż-żmien ta’ din id-dinja. Il-fidi, li tilqa’ l-aħbar evanġelika tas-saltna ta’ Alla li għaliha aħna ddestinati, għandha dan l-ewwel effett straordinarju, jgħid Ġesù. Hi tagħtina li “naraw” is-saltna ta’ Alla. Aħna nsiru kapaċi naraw realment il-ħafna sinjali tat-tama tagħna li ma ndumux ma naraw jitwettaq dak li, fil-ħajja tagħna, iġorr fuqu s-sinjal tad-destinazzjoni għall-eternità ta’ Alla.
Is-sinjali huma dawk tal-imħabba evanġelika, b’ħafna modi mdawla minn Ġesù. U jekk nistgħu “narawhom”, nistgħu wkoll “nidħlu” fis-saltna, bil-mogħdija tal-Ispirtu permezz tal-ilma li jagħti ħajja ġdida.
Ix-xjuħija hija l-kundizzjoni, mogħtija lil ħafna minna, biex il-miraklu ta’ dan it-twelid mill-għoli jista’ jiġi assimilat intimament u jsir kredibbli għall-komunità umana: ma tikkomunikax nostalġija għat-twelid fiż-żmien, imma mħabba għad-destinazzjoni finali. F’din il-perspettiva x-xjuħija għandha ġmiel uniku: nimxu lejn l-Etern. Ħadd ma jista’ jerġa’ jidħol fil-ġuf tal-omm, u lanqas fis-sostitut teknoloġiku u konsumistiku tiegħu. Dan ma jagħtix għerf, dan ma jagħtix il-possibbiltà ta’ mixja sħiħa u mwettqa, għax hu ħaġa artifiċjali. Imqar li kien possibbli, kien ikun ħaġa ta’ swied il-qalb. Ix-xiħ jimxi ’l quddiem, ix-xiħ jimxi lejn id-destinazzjoni, lejn is-sema ta’ Alla, ix-xiħ jimxi bl-għerf tiegħu li għex tul ħajtu. Ix-xjuħija allura hija żmien speċjali biex neħilsu l-futur mill-illużjoni teknokratika ta’ sopravivenza bijoloġika u robotika, imma fuq kollox għax jifħilna qalbna għall-ħlewwa tal-ġuf ħallieq ta’ Alla li jnissilna fih. Hawn nixtieq nisħaq fuq din il-kelma: il-ħlewwa tax-xjuħ.
Osservaw nannu jew nanna jħarsu lejn in-neputijiet, kif iżiegħlu bin-neputijiet tagħhom: dik il-ħlewwa, ħielsa minn kull prova umana, li għelbet il-provi umani u hi kapaċi tagħti l-imħabba b’xejn, il-qrubija kollha mħabba ta’ wieħed lejn l-oħrajn. Din il-ħlewwa tiftaħ il-bieb biex aħna nistgħu nifhmu l-ħlewwa ta’ Alla. Ma ninsewx li l-Ispirtu ta’ Alla hu qrubija, kompassjoni u ħlewwa. Alla hekk magħmul, jaf iżiegħel. U x-xjuħija tgħinna nifhmu din id-dimensjoni ta’ Alla li hi l-ħlewwa. Ix-xjuħija hi ż-żmien speċjali biex neħilsu lill-futur mill-illużjoni teknokratika, hi ż-żmien tal-ħlewwa ta’ Alla li joħloq, joħloq triq għalina lkoll.
L-Ispirtu jagħtina li nerġgħu ninfetħu għal din il-missjoni spiritwali – u kulturali – tax-xjuħija, li tirrikonċiljana mat-twelid mill-għoli. Meta naħsbu fix-xjuħija b’dan il-mod, imbagħad naslu biex ngħidu: kif qatt din il-kultura tal-iskart tista’ tiddeċiedi li tarmi lix-xjuħ, u tqishom bla siwi? Ix-xjuħ huma l-messaġġiera tal-futur, ix-xjuħ huma l-messaġġiera tal-ħlewwa, ix-xjuħ huma l-messaġġiera tal-għerf ta’ ħajja li ngħexet. Ejjew nimxu ’l quddiem u nħarsu lejn ix-xjuħ tagħna.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard