Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fil-katekeżi tal-aħħar darba rajna kif it-talb Nisrani hu “ankrat” fil-Liturġija. Illum se naraw kif mil-Liturġija dan jirritorna dejjem għall-ħajja ta’ kuljum: fit-toroq, fl-uffiċċji, fuq il-mezzi tat-trasport… U hemm jissokta d-djalogu ma’ Alla: min jitlob hu bħal namrat, li dejjem iġorr f’qalbu l-persuna li jħobb, kull fejn ikun.
Fil-verità, kollox jidħol f’dan id-djalogu ma’ Alla: kull ferħ isir raġuni ta’ tifħir, kull tiġrib hu okkażjoni ta’ talba għall-għajnuna. It-talb hu dejjem ħaj fil-ħajja tagħna, bħal ġamar jaqbad, anki meta l-fomm ma jitkellimx, imma l-qalb titkellem. Kull ħsieb, imqar jekk jidher “profan”, jista’ jkun mimli bit-talb. Anki fl-intelliġenza umana hemm aspett ta’ talb; fil-fatt hu bħal tieqa miftuħa fuq il-misteru: idawwal il-ftit passi li għandna quddiemna u mbagħad jinfetaħ għar-realtà kollha kemm hi, din ir-realtà li tgħaddih u tissuperah. Dan il-misteru m’għandux xi wiċċ inkwetanti jew tal-biża’, le: l-għarfien ta’ Kristu jagħtina l-fiduċja li hemm fejn għajnejna u għajnejn il-ħsieb tagħna ma jistgħux jaraw, ma hemmx il-baħħ, imma hemm xi ħadd li qed jistenniena, hemm grazzja bla tarf. U hekk it-talb Nisrani jimla l-qalb b’tama li ma tistax tintrebaħ: kull esperjenza li tmiss il-mixja tagħna, l-imħabba ta’ Alla tista’ tibdilha f’xi ħaġa tajba.
Dwar hekk, il-Katekiżmu jgħid: “Aħna nitgħallmu nitolbu f’ċerti mumenti waqt li nisimgħu l-Kelma tal-Mulej u nissieħbu fil-Misteru tal-Għid, iżda l-Ispirtu tal-Mulej jingħatalna biex it-talb joħroġ minn fommna l-ħin kollu, fil-ġrajjiet kollha ta’ kuljum. […] Iż-żmien hu f’idejn Alla: ma’ Alla niltaqgħu dejjem illum, la lbieraħ u lanqas għada” (n. 2659). Illum niltaqa’ ma’ Alla, dejjem hemm l-illum tal-laqgħa.
Ma jeżisti ebda jum ieħor aqwa mill-illum li qed ngħixu. Dawk li jgħixu dejjem jaħsbu fil-futur: “Imma l-futur se jkun aħjar…”, imma ma jilqgħux l-illum kif jiġi: huma persuni li jgħixu fil-fantasija, ma jafux jagħrfu l-konkret ta’ dak li hu reali. U l-illum hu reali, l-illum hu konkret. U t-talb iseħħ illum. Ġesù jiġi jiltaqa’ magħna llum, dan l-illum li fih qed ngħixu. U huwa t-talb li jibdel dan l-illum fi grazzja, jew aħjar, li jibdilna: itaffi l-korla, iwieżen l-imħabba, ikattar il-ferħ, isawwab il-qawwa li wieħed jaħfer. Jiġi żmien meta jidhrilna li m’għadniex aħna li qed ngħixu, imma l-grazzja li qed tgħix u taħdem fina permezz tat-talb. U meta jiġina ħsieb ta’ rabja, ta’ diqa, li jimliena bl-imrar, ejjew nieqfu u ngħidu lill-Mulej: “Fejn int? U fejn sejjer jiena?”. U l-Mulej jinsab hemm, il-Mulej jagħtina l-kelma t-tajba, il-parir biex nibqgħu mexjin ’il quddiem mingħajr din il-qrusa tan-negattiv. Għax it-talb hu dejjem, biex nużaw kelma profana, pożittiv. Dejjem. Imexxina ’l quddiem. Kull ġurnata li tibda, jekk nilqgħuha fit-talb, tkun imsieħba mill-kuraġġ, biex hekk il-problemi li rridu naffrontaw ma jibqgħux iżjed xkiel għall-ferħ tagħna, imma sejħat minn Alla, okkażjonijiet għal-laqgħa tagħna miegħu. U meta wieħed hu msieħeb mill-Mulej, iħossu kuraġġjuż, iżjed ħieles, u anki iżjed ferħan.
Mela nitolbu dejjem għal kollox u għal kulħadd, anki għall-għedewwa. Ġesù tana parir dwar dan: “Itolbu għall-għedewwa tagħkom”. Nitolbu għall-għeżież tagħna, imma anki għal dawk li ma nafuhomx; nitolbu saħansitra għall-għedewwa tagħna, kif għidt, kif spiss tistedinna nagħmlu l-Iskrittura. It-talb jagħtina mħabba bla tarf. Nitolbu fuq kollox għall-persuni mdejqa, għal dawk li qed jibku fis-solitudni u jħossuhom jiddispraw għadx hemm xi mħabba tħabbat għalihom. It-talb jagħmel il-mirakli; u hekk il-foqra jħossu, bi grazzja ta’ Alla, li mqar f’dik is-sitwazzjoni prekarja tagħhom, it-talba ta’ Nisrani ġġib preżenti l-ħniena ta’ Ġesù: fil-fatt hu kien iħares bi tjieba kbira fuq il-folol imħabbtin u mifxula qishom nagħaġ bla ragħaj (ara Mk 6:34). Il-Mulej hu – ma ninsewhx dan – il-Mulej tal-ħniena, tal-qrubija, tal-ħlewwa: tliet kelmiet li m’għandna ninsewhom qatt. Għax dan hu l-istil tal-Mulej: ħniena, qrubija, ħlewwa.
It-talb jgħinna nħobbu lill-oħrajn, minkejja l-iżbalji u d-dnubiet tagħhom. Il-persuna dejjem hi iżjed importanti mill-għemejjel tagħha, u Ġesù ma ġġudikax id-dinja, imma salvaha. Kemm hi ħajja kerha dik ta’ min dejjem jiġġudika lill-oħrajn, dejjem jikkundanna, jiġġudika: hi ħajja kerha, ta’ dwejjaq. Ġesù ġie biex isalvana: iftaħ qalbek, aħfer, skuża lill-oħrajn, ifhimhom, kun int ukoll qrib tal-oħrajn, agħder, uri ħlewwa bħal Ġesù. Irridu nħobbu lil kulħadd u niftakru, fit-talb, li aħna lkoll kemm aħna midinba u fl-istess waqt maħbuba minn Alla, wieħed wieħed u waħda waħda. Hekk, meta nħobbu lil din id-dinja, meta nħobbuha bil-ħlewwa, niskopru li kull ġurnata u kull ħaġa ġġorr moħbija fiha biċċa mill-misteru ta’ Alla.
Jikteb mill-ġdid il-Katekiżmu: “It-talb waqt il-ġrajjiet ta’ kuljum u ta’ kull mument hu wieħed mis-sigrieti tas-Saltna, li ġew irrivelati liċ-‘ċkejknin’, lill-qaddejja ta’ Kristu, lill-foqra tal-beatitudni. Hi ħaġa xierqa u sewwa li nitolbu li l-miġja tas-Saltna tal-ġustizzja u s-sliem tinfluwenza l-mixja tal-istorja, imma hu wkoll importanti ‘tagħġen’ bit-talb l-għaġna tal-ġrajjiet żgħar tal-ħajja ta’ kuljum. Is-suriet kollha tat-talb jistgħu jkunu l-ħmira li magħha l-Mulej ixebbah is-Saltna” (n. 2660).
Il-bniedem – il-persuna umana, ir-raġel u l-mara – hu bħal daqsxejn ta’ nifs, bħall-ħaxix (ara Salm 144:4; 103:15). Il-filosfu Pascal kiteb: “Lanqas hemm bżonn li l-univers kollu jarma ruħu biex jgħaffġu; biżżejjed ftit fwar, qatra ilma biex toqtlu”.[i] Aħna dgħajfa, imma nafu nitolbu: din hi l-akbar dinjità tagħna, hi wkoll il-qawwa tagħna. Kuraġġ. Nitolbu f’kull mument, f’kull sitwazzjoni, għax il-Mulej hu qrib tagħna. U meta talba hi skont il-qalb ta’ Ġesù, tikseb il-mirakli.
[i] Ħsibijiet, 186.