Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum nikkontemplaw il-ġmiel ta’ Ġesù Kristu t-tama tagħna fil-misteru tal-Viżitazzjoni. Il-Verġni Marija żżur lil Santa Eliżabetta; imma hu fuq kollox Ġesù, fil-ġuf ta’ ommu, li jżur lill-poplu tiegħu (ara Lq 1:68), kif jgħid Żakkarija fl-innu tiegħu ta’ tifħir.
Wara li tistagħġeb b’dak li ħabbrilha l-Anġlu, Marija tqum u titlaq fi vjaġġ, bħall-imsejħin kollha tal-Bibbja, għax “l-għemil waħdieni li bih il-bniedem jista’ jikkorrispondi ma’ Alla li jirrivela lilu nnifsu hu dak tad-disponibbiltà bla limiti” (H.U. von Balthasar, Vocazione, Roma 2002, 29). Din il-bint żagħżugħa ta’ Iżrael ma tagħżilx li tipproteġi ruħha mid-dinja, ma tibżax mill-perikli u l-ġudizzji ta’ ħaddieħor, imma tmur tiltaqa’ mal-oħrajn.
Meta nħossuna maħbuba, inħossu qawwa li tiċċirkola l-imħabba; kif jgħid l-Appostlu Pawlu, “l-imħabba ta’ Kristu ssuqna” (2 Kor 5:14), tixprunana, iċċaqlaqna. Marija tħoss din l-ispinta tal-imħabba u tmur tgħin mara li hi qariba tagħha, imma hi wkoll anzjana li tilqa’, wara stennija kbira, tqala li ma kinitx temmen li ħa jkollha, mimlija taħbit biex taffrontaha fl-età tagħha. Imma l-Verġni tmur għand Eliżabetta anki biex taqsam magħha l-fidi f’Alla tal-impossibbli u t-tama fit-twettiq tal-wegħdiet tiegħu.
Il-laqgħa bejn iż-żewġ nisa ġġib magħha impatt sorprendenti: il-leħen tal-“mimlija bil-grazzja” li jsellem lil Eliżabetta jipprovoka l-profezija fit-tarbija li l-anzjana qed iġġorr f’ġufha u jqanqal fiha barka doppja: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!” (Lq 1:42). U anki beatitudni: “Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej” (v. 45).
Quddiem l-għarfien tal-identità messjanika ta’ Binha u tal-missjoni tagħha ta’ omm, Marija ma titkellimx fuqha nfisha imma fuq Alla u tinfexx f’għanja ta’ tifħir mimlija fidi, tama u ferħ, kantiku li jidwi ta’ kuljum fil-Knisja waqt it-talba tal-Għasar: il-Magnificat (Lq 1:46-55).
Dan it-tifħir lil Alla l-Feddej, li jgelgel mill-qalb tal-qaddejja umli tiegħu, hu tifkira solenni li tiġor fiha fil-qosor u twettaq it-talba ta’ Iżrael. Hi minsuġa minn riżonanzi bibliċi, sinjal li Marija ma tridx tgħanni “barra mill-kor” imma trid tidħol f’sintonija ma’ missirijietha, u tfaħħar il-ħniena tiegħu mal-umli, dawk iċ-ċkejknin li Ġesù fil-predikazzjoni tiegħu jsejħilhom “hienja” (ara Mt 5:1-12).
Il-preżenza qawwija tat-timbru Paskwali jagħmel mill-Magnificat anki innu ta’ fidwa, li għandu bħala sfond tiegħu l-memorja tal-ħelsien ta’ Iżrael mill-Eġittu. Il-verbi huma kollha fil-passat, mgħaddsa f’memorja ta’ mħabba li tkebbes bil-fidi l-preżent u ddawwal bit-tama l-futur: Marija tgħanni l-grazzja tal-passat imma hi l-mara tal-preżent li ġġorr f’ġufha l-futur.
L-ewwel parti ta’ dan il-kantiku tfaħħar l-azzjoni ta’ Alla f’Marija, mikrokożmu tal-poplu ta’ Alla li jitwaħħad kollu kemm hu mal-Patt (vv. 46-50); it-tieni timraħ fuq l-opra tal-Missier fil-makrokożmu tal-istorja ta’ wliedu (vv. 51-55), permezz ta’ tliet kelmiet-muftieħ: tifkira – ħniena – wegħda.
Il-Mulej, li miel lejn iċ-ċkejkna Marija biex iwettaq fiha “ħwejjeġ kbar” u għamilha omm il-Mulej, beda jsalva l-poplu tiegħu fl-eżodu, għax ftakar fil-barka universali mwiegħda lil Abraham (ara Ġen 12:1-3). Il-Mulej, Alla fidil għal dejjem, ried li tnixxi xmara bla waqfien ta’ mħabba ħanina “f’kull żmien” (v. 50) fuq il-poplu fidil tal-Patt, u issa juri l-milja tas-salvazzjoni f’Ibnu, mibgħut biex isalva lill-poplu minn dnubietu. Hekk, minn Abraham sa Ġesù Kristu u sal-komunità ta’ dawk li jemmnu, l-Għid jidher bħala l-kategorija ermenewtika biex nifhmu kull ħelsien ieħor li jiġi wara, sa dak imwettaq mill-Messija fil-milja taż-żmien.
Għeżież ħuti, nitolbu llum lill-Mulej il-grazzja li nagħrfu nistennew it-twettiq ta’ kull wegħda; u li ngħinu li xulxin nilqgħu fil-ħajjiet tagħna l-preżenza ta’ Marija. Noqogħdu fl-iskola tagħha, u hekk nistgħu lkoll niskopru li kull ruħ li temmen u tittama, “tnissel u tagħti d-dawl lill-Verb ta’ Alla” (Sant’Ambroġ, Espożizzjoni tal-Vanġelu skont Luqa 2, 26).
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard