Għeżież ħuti, l-Għid it-tajjeb!
Ġesù, il-mislub, irxoxta! Jiġi fost dawk li qed jibkuh, magħluqin fi djarhom mimlijin biża’ u ansjetà. Jiġi għandhom u jgħid: “Il-paċi magħkom!” (Ġw 20:19). Juri l-pjagi f’idejh u f’riġlejh, il-ferita fil-kustat: mhux fantażma, hu propju hu, l-istess Ġesù li miet fuq is-salib u li kien fil-qabar. Quddiem l-għajnejn inkreduli tad-dixxipli jtenni: “Il-paċi magħkom!” (v. 21).
Ħarsitna wkoll maħkuma mill-inkredulità f’dan il-Għid ta’ gwerra. Rajna wisq demm, wisq vjolenza. Qlubna wkoll imtlew bil-biża’ u bl-ansjetà, waqt li bosta minn ħutna kellhom jingħalqu ġewwa biex jitħarsu mill-bombi. Insibuha bi tqila nemmnu li Ġesù qam tassew, li verament għeleb il-mewt. Forsi din illużjoni? Frott tal-immaġinazzjoni tagħna?
Le, mhix illużjoni! Illum tidwi daqs qatt qabel l-aħbar paskwali tant għal qalb l-Orjent Nisrani: “Kristu qam! Qam tassew!” Illum għandna bżonnu daqs qatt qabel, fi tmiem dan ir-Randan li donnu ma jridx jintemm. Wara spallejna għandna sentejn ta’ pandemija li ħallew marki tqal. Kien iż-żmien li flimkien noħorġu mill-mina, id f’id, u niġimgħu flimkien il-forzi u r-riżorsi… U minflok, qed nuru li l-ispirtu ta’ Ġesù għad mhuwiex fina, għad hemm fina l-ispirtu ta’ Kajjin, li ma jarax lil Abel bħala ħuh, imma bħala rival, u jfassal kif se jeliminah. Għandna bżonn l-Imsallab Irxuxtat biex nemmnu fir-rebħa tal-imħabba, biex nittamaw fir-rikonċiljazzjoni. Illum għandna bżonnu daqs qatt qabel, bżonn li jiġi fostna u mill-ġdid jgħidilna: “Il-paċi magħkom!”
Hu biss jista’ jagħmlu dan. Illum hu biss għandu dritt iħabbrilna l-paċi. Ġesù biss, għax iġorr il-pjagi, il-pjagi tagħna. Dawk il-pjagi tiegħu huma tagħna għal darbtejn: tagħna għax konna aħna li għamilnihomlu, bi dnubietna, bl-ebusija ta’ qalb tagħna, bil-mibegħda bejn l-aħwa; u tagħna għax hu żammhom minħabba fina, ma neħħihomx mill-ġisem glorjuż tiegħu, ried iżommhom fuqu għal dejjem. Huma s-siġill li ma jitħassarx ta’ mħabbtu lejna, interċessjoni dejjiema sabiex il-Missier Ċelesti jarahom u jkollu ħniena minna u mid-dinja kollha. Il-pjagi fil-ġisem ta’ Ġesù rxoxt huma s-sinjal tat-taqbida li hu tqabad u rebaħ għalina, bl-armi tal-imħabba, sabiex aħna jkollna l-paċi, ngħixu fil-paċi. Meta jħarsu lejn dawk il-pjagi glorjużi, għajnejna tqal biex jemmnu, jinfetħu, qlubna iebsa jinfetħu u jħallu tinfidhom il-bxara tal-Għid: “Il-paċi magħkom!”
Ħuti, inħallu l-paċi ta’ Kristu tidħol fil-ħajja tagħna, fi djarna, fil-pajjiżi tagħna!
Ħa jkun hemm il-paċi fl-Ukrajna martirizzata, mifluġa għall-aħħar minħabba l-vjolenza u l-qerda ta’ gwerra krudili u bla sens li sfat imkaxkra fiha. Fuq dan il-lejl terribbli ta’ tbatija u ta’ mewt ħa jfiġġ bla dewmien żerniq ġdid ta’ tama! Ħalli jkun hemm għażla għall-paċi. Ħalli tieqaf il-wirja tal-muskoli (tas-saħħa) waqt li n-nies qed isofru. Jekk jogħġobkom, jekk jogħġobkom: ma nidrawx il-gwerra, nimpenjaw ruħna lkoll biex b’leħen għoli nitolbu l-paċi, mill-gallariji u fit-toroq! Paċi! Min hu responsabbli min-nazzjonijiet ħalli jisma’ l-għajta għall-paċi tan-nies. Ħalli jisma’ dik il-mistoqsija inkwetanti li għamlu x-xjenzjati kważi sebgħin sena ilu: “Se nwasslu fi tmiemu l-ġeneru uman, jew l-umanità se tagħraf tirrinunzja għall-gwerra?” (Manifest Russell-Einstein, 9 ta’ Lulju, 1955).
F’qalbi nġorr l-għadd kbir ta’ vittmi Ukrajni, il-miljuni ta’ rifuġjati u tturufnati interni, il-familji mifrudin, l-anzjani li baqgħu waħedhom, il-ħajjiet imkissra u l-bliet meqruda li spiċċaw borġ ġebel. Qed inġib quddiem għajnejja tant tfal li sfaw orfni u li qed jaħarbu mill-gwerra. Meta narawhom ma nistgħux ma nisimgħux l-għajta ta’ wġigħ tagħhom, flimkien ma’ dik ta’ tant tfal oħra li qed ibatu madwar id-dinja kollha: dawk li qed imutu bil-ġuħ jew minħabba nuqqas ta’ kura tas-saħħa, dawk li huma vittmi ta’ abbużi u vjolenza u dawk li ċċaħdilhom id-dritt li jitwieldu.
Fin-niket tal-gwerra xi sinjali inkoraġġanti mhumiex neqsin lanqas, bħalma huma l-bibien miftuħin ta’ tant familji u komunitajiet li madwar l-Ewropa kollha qed jilqgħu lill-migranti u lir-refuġjati. Dawn il-bosta atti ta’ karità jissarrfu f’barka għas-soċjetajiet tagħna, li kultant huma degradati minħabba ħafna egoiżmu u individwaliżu, u jagħtu sehemhom biex isiru akkoljenti għal kulħadd.
Il-kunflitt fl-Ewropa jagħmilna aktar attenti wkoll għal sitwazzjonijiet ta’ tensjoni, tbatija u niket li qed jolqtu wisq inħawi tad-dinja u li, la nistgħu u lanqas irridu ninsewhom.
Kristu, rebbieħ fuq id-dnub, il-biża’ u l-mewt, iħeġġiġna biex ma nċedux għall-ħażen u għall-vjolenza. Ħuti, inħallu l-paċi ta’ Kristu tirbaħ! Il-paċi hi possibbli, il-paċi hi dmir, il-paċi hi responsabbiltà primarja ta’ kulħadd!
Paċi fil-Lvant Nofsani li ilu snin imkisser minħabba firdiet u kunflitti. F’dal-jum glorjuż ninvokaw il-paċi għal Ġerusalemm u paċi lil dawk li jħobbuha (ara salm 121 [122]), Insara, Ebrej, Musulmani. Jalla l-Iżraeljani u l-Palestinjani u l-abitanti kollha tal-Belt Imqaddsa, flimkien mal-pellegrini, iġarrbu s-sbuħija tal-paċi, jgħixu bħal aħwa u jkunu jistgħu iżuru l-imkejjen qaddisa b’rispett reċiproku lejn id-drittijiet ta’ kulħadd.
Ħa jkun hemm il-paċi u r-rikonċiljazzjoni fost il-popolazzjonijiet tal-Libanu, tas-Sirja u tal-Iraq, u b’mod partikolari fil-komunitajiet insara kollha li jgħixu fil-Lvant Nofsani.
Ħalli jkun hemm il-paċi wkoll fil-Libja sabiex issib l-istabbiltà wara snin ta’ tensjonijiet, u fil-Yemen li qed ibati minħabba kunflitt minsi minn kulħadd u li qed iħalli vittmi l-ħin kollu: jalla l-waqfien mill-ġlied tal-jiem li għaddew irodd lura t-tama lill-popolazzjoni.
Lill-Mulej irxuxtat nitolbuh ir-rigal tar-rikonċiljazzjoni fil-Myanmar, fejn għadna qed naraw xenarju drammatiku ta’ mibegħda u vjolenza, u fl-Afghanistan, fejn it-tensjonijiet soċjali perikolużi m’hemmx li jonqsu u fejn kriżi umanitarja drammatika qed tifleġ il-popolazzjoni.
Ħalli jkun hemm il-paċi fil-kontinent Afrikan kollu, sabiex jieqaf l-isfruttament li l-vittma tiegħu hi l-emoraġija riżultat tal-attakki terroristiċi – partikolarment fiż-żona ta’ Sahel – u jsib sapport konkret fil-fraternità tal-popli. Ħa ssib ir-rikonċiljazzjoni l-Etjopja, imġarrba minn kriżi umanitarja gravi u ħa tieqaf il-vjolenza fir-Repubblika Demokratika tal-Congo. M’għandux ikun nieqes it-talb u s-solidarjetà mal-popolazzjonijiet tal-Afrika t’Isfel orjentali, li ntlaqtet minn għarar qerriedi.
Jalla Kristu Rxoxt jakkumpanja u jassisti l-popolazzjonijiet tal-Amerika Latina li f’xi każi, f’dawn iż-żminijiet diffiċli tal-pandemija, raw il-kundizzjonijiet soċjali tagħhom, mħarrxin minħabba l-każi tal-kriminalità, tal-vjolenza, tal-korruzzjoni u t-traffikar tad-droga, jeħżienu.
Lill-Mulej irxuxtat nitolbuh jakkumpanja l-mixja ta’ rikonċiljazzjoni li qed itterraq il-Knisja Kattolika tal-Kanada mal-popli nattivi. L-Ispirtu ta’ Kristu Rxoxt ifejjaq il-feriti tal-imgħoddi u jiddisponi l-qlub biex ifittxu l-verità u l-fraternità.
Għeżież ħuti kull gwerra ġġib magħha konsegwenzi li jolqtu lill-umanità kollha kemm hi: mil-luttu sad-dramm tar-rifuġajti, mill-kriżi ekonomika u tal-ikel, li diġà qed jidhru l-ewwel sinjali tagħha. Quddiem is-sinjali tal-gwerer li għadhom għaddejjin, kif ukoll quddiem il-bosta telfiet ta’ niket fil-ħajja, Kristu, rebbieħ fuq id-dnub, il-biża’ u l-mewt, iħeġġiġna biex ma nċedux għall-ħażen u għall-vjolenza. Ħuti, inħallu l-paċi ta’ Kristu tirbaħ! Il-paċi hi possibbli, il-paċi hi dmir, il-paċi hi responsabbiltà primarja ta’ kulħadd!
Sors: laikos.org