Il-Papa Benedittu XVI laqa’ l-Presidenza tal-Kunsill tal-Konferezi tal-Isqfijiet Ewropej, is-CCEE, magħmula mill-Kardinal Peter Erdo, Arċisqof f’Budapest, il-Kardinal Josip Bozanie, Arċisqof ta’ Żagreb, Mons Jean-Pierre Ricard, Arċisqof ta’ Bordeaux u Fr Duaret da Cunha, Segretarju Ġenerali.
Skont il-Kunsill tal-Konferenzi tal-Isqfijiet Ewropej, “il-laqgħa saret f’atmosfera mill-iktar pożittiva. Fil-ftuħ, il-Papa qasam magħna l-esperjenzi sbieħ li kellu fl-aħħar vjaġġ tiegħu fil-Portugal, b’emozzjoni kbira u b’sentimenti ta’ ferħ. Imbagħad id-dibattitu sokta b’iffukar fuq is-sitwazzjoni tal-Knisja Kattolika fl-Ewropa, il-vitalita ta’ ċerti djoċesijiet fejn il-kattoliċi fil-pajjiż huma f’minoranza, il-problemi li qed tiffaċċja l-Knisja Kattolika attwalment u l-ħidma b’attivitajiet varji tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali fl-Ewropa fil-qadi tal-missjoni tiegħu li jxandar il-messaġġ tal-Vanġelu fl-Ewropa bl-aħjar mod possibbli. Id-dibattitu kien wieħed tajjeb ħafna u ħalla l-frott”.
Matul il-laqgħa ssemma wkoll kif “l-Episkopat Ewropew dejjem ried jesprimi l-komunjoni mas-suċċessur ta’ Pietru u f’dan l-isfond il-Papa ngħata l-ħajr mistħoqq għat-tagħlim imdawwal tiegħu”. Fi tmiem il-laqgħa, il-Kardinal Erdo ta riproduzzjoni tal-ikona “Saints for Europe”, magħmula mid-deputat Segretarju Ġenerali tas-CCEE, Fr Ferenc Janka, saċerdot Ungeriż.