“Meta jiġi d-Difensur, li se nibagħtilkom mingħand il-Missier” (Ġw 15:26). B’dawn il-kelmiet Ġesù jwiegħed l-Ispirtu s-Santu lid-dixxipli, id-don defenittiv, id-don tad-doni. Jitkellem fuqu billi jinqeda b’espressjoni partikulari, misterjuża: Paraklitu, Difensur. Illum ejjew nilqgħu din il-kelma, li mhix faċli tittraduċiha għax fiha iktar minn tifsira waħda. Paraklitu, sostanzjalment, tfisser żewġ affarijiet: Konsolatur u Avukat.
1. Il-Paraklitu hu l-Konsolatur. Ilkoll kemm aħna, speċjalment fil-mumenti diffiċli, bħal dak li għaddejjin minnu bħalissa, minħabba l-pandemija, infittxu xi jfarraġna. Imma spiss nirrikorru biss għal faraġ ta’ din id-dinja, li jgħib malajr fix-xejn, hu faraġ tal-mument. Ġesù llum qed joffrilna l-faraġ tas-Sema, l-Ispirtu, “l-aqwa faraġ” (Sekwenza) perfett. X’inhi d-differenza? Il-faraġ ta’ din id-dinja hu bħall-anestetiċi: iserrħuna għal ftit tal-ħin, imma ma jfejqux il-ħażen profond ta’ ġo fina. Jaljenawna għal ftit, jiddistrawna, imma ma jfejqux fl-għeruq. Jaġixxu fuq il-qoxra, fuq il-livell tas-sensi imma ftit li xejn tal-qalb. Għax il-paċi lil qalbna jista’ jagħtihielha biss min iġagħalna nħossuna maħbuba. L-Ispirtu s-Santu, l-imħabba ta’ Alla, hekk jagħmel: jinżel ġewwa, għax hu Spirtu li jaġixxi fl-ispirtu tagħna. “Jimla l-qalb”, ir-ruħ tħossu bħal “fewġa ħelwa” (ibid.). Hija l-istess ħlewwa ta’ Alla, li ma jitlaqniex waħidna; għax jekk toqgħod ma’ min hu waħdu diġà tkun qed tfarrġu.
Għażiża oħti, għażiż ħija, jekk tħoss id-dalma tas-solitudni, jekk ġo fik qed iġġorr toqol li jifga t-tama, jekk f’qalbek għandek ġerħa li għadha ddemma’, jekk ma tistax issib triq mnejn toħroġ, iftaħ qalbek għall-Ispirtu. San Bonaventura kiteb li hu “fejn hemm l-ikbar tiġrib iġib l-ikbar faraġ, mhux kif tagħmel id-dinja li fil-ġid tfarraġ u tinċensa imma fl-għali żżeblaħ u tikkundanna” (Prietka għall-Ottava tal-Axxensjoni). Hekk tagħmel id-dinja, hekk jagħmel fuq kollox l-ispirtu li jeħodha kontrina, ix-xitan: l-ewwel iżiegħel bina u jġagħalna nħossuna li ħadd ma jista’ jirbħilna – iż-żegħil tax-xitan li jkabbar il-vanità –, imbagħad jixħitna mal-art u jġagħalna nħossuna li żbaljajna: jilgħab bina. Jagħmel minn kollox biex jgħaffiġna, waqt li l-Ispirtu tal-Irxoxt irid jerfagħna mill-ġdid. Inħarsu lejn l-Appostli: kienu waħidhom f’dik l-għodwa, kienu waħidhom u mifxula, bil-bibien magħluqa minħabba l-biża’, kienu qed jgħixu fil-biża’ u quddiem għajnejhom kellhom id-dgħufijiet u l-waqgħat kollha tagħhom, id-dnubiet tagħhom: kienu ċaħdu lil Ġesù Kristu. Is-snin li qattgħu ma’ Ġesù ma kinux bidluhom, baqgħu l-istess kif kienu. Imbagħad jirċievu lill-Ispirtu s-Santu u kollox jinbidel: il-problemi u d-difetti jibqgħu l-istess, imma ma jibżgħux iżjed minnhom għax lanqas minn min irid jagħmlilhom il-ħsara ma jibżgħu iżjed. Iħossuhom imfarrġin ġewwa fihom u jridu jqassmu madwarhom il-faraġ ta’ Alla. L-ewwel kienu mbeżżgħin, u issa jibżgħu biss li ma jagħtux xhieda tal-imħabba li rċivew. Dan Ġesù kien ħabbru: l-Ispirtu “jixhed għalija. U intom ukoll tixhdu” (Ġw 15:26-27).
U mmiddu pass ieħor ’il quddiem. Aħna wkoll imsejħin nagħtu xhieda fl-Ispirtu s-Santu, insiru parakliti, jiġifieri farraġa. Iva, l-Ispirtu qed jitlobna nlaħħmu dan il-faraġ tiegħu. Kif nistgħu nagħmluh dan? Mhux billi nagħmlu diskorsi kbar, imma billi nersqu qrib tal-oħrajn; mhux bi kliem taċ-ċirkustanza, imma bit-talb u bil-qrubija. Niftakru li l-qrubija, il-ħniena u l-ħlewwa huma l-istil ta’ Alla, dejjem. Il-Paraklitu jgħid lill-Knisja li llum hu ż-żmien tal-faraġ. Hu ż-żmien tal-aħbar it-tajba tal-Vanġelu iżjed milli tal-ġlieda kontra l-paganiżmu. Hu ż-żmien li nwasslu l-ferħ tal-Irxoxt, u mhux li noqogħdu ngergru minħabba l-pjaga tas-sekularizzazzjoni. Hu ż-żmien biex insawbu l-imħabba fuq id-dinja, mingħajr ma niżżewġu lill-mondanità. Hu ż-żmien li fiha nagħtu xhieda tal-ħniena iżjed milli nimponu regoli u normi. Hu ż-żmien tal-Paraklitu! Hu ż-żmien tal-libertà tal-qalb, fil-Paraklitu.
2. Il-Paraklitu, imbagħad, hu l-Avukat. Fil-kuntest storiku ta’ Ġesù, l-avukat ma kienx iwettaq il-funzjonijiet tiegħu bħal-lum: flok jitkellem f’isem l-imputat, normalment kien joqgħod ħdejh u jissuġġerilu f’widnejh l-argumenti li għandu juża biex jiddefendi ruħu. Hekk jagħmel magħna l-Paraklitu, “l-Ispirtu tal-verità” (v. 26), li ma jeħdilniex postna, imma jiddefendina mill-qerq tal-ħażen billi jnebbħilna l-ħsibijiet u s-sentimenti tagħna. Dan jagħmlu b’delikatezza, mingħajr ma jġagħalna: jipproponi u mhux jimponi ruħu. L-ispirtu tal-qerq, il-ħażin, bil-maqlub jagħmel: ifittex kif iġagħalna, irid ibellagħhielna li aħna dejjem obbligati nċedu għall-kundizzjonamenti ħżiena u għall-ġibdiet tal-vizzji. Allura ejjew nippruvaw nilqgħu tliet suġġerimenti tipiċi tal-Paraklitu, tal-Avukat tagħna. Huma tliet antidoti bażiċi kontra daqstant ieħor tentazzjonijiet, illum hekk mifruxa.
L-ewwel parir tal-Ispirtu s-Santu hu: “Għix il-preżent”. Il-preżent, u mhux il-passat jew il-futur. Il-Paraklitu jisħaq fuq il-primat tal-lum, kontra t-tentazzjoni li nħallu l-imrar u n-nostalġija tal-passat jipparalizzawna, jew li nikkonċentraw fuq l-inċertezzi ta’ għada u nħallu jossessjonawna l-biżgħat għall-ġejjieni. L-Ispirtu jfakkarna l-grazzja tal-preżent. M’hemmx żmien aħjar għalina: issa, hemm fejn ninsabu, huwa l-mument uniku u irrepetibbli biex nagħmlu l-ġid, biex nagħmlu don minn ħajjitna. Ngħixu fil-preżent!
Imbagħad il-Paraklitu jagħtina dan il-parir: “Fittex il-flimken”. Il-flimkien, u mhux il-parti. L-Ispirtu ma jsawwarx individwi magħluqin, imma jwaqqafna bħala Knisja fil-firxa wiesgħa tal-kariżmi, f’għaqda li qatt ma hi uniformità. Il-Paraklitu jisħaq fuq il-primat tal-flimkien. Hu fil-flimkien, fil-komunità li l-Ispirtu jippreferi jaġixxi u jġib il-ġdid. Inħarsu lejn l-Appostli. Kienu differenti ħafna minn xulxin: fosthom, ngħidu aħna, kien hemm Mattew, pubblikan li kien ikkollabora mar-Rumani, u Xmun, imsejjaħ iż-Żelota, li kien kontrihom. Kien hemm ideat politiċi opposti, viżjonijiet differenti tad-dinja. Imma meta jirċievu l-Ispirtu, huma jitgħallmu ma jagħtux l-ewwel post lill-perspettivi umani tagħhom, imma lill-flimkien ta’ Alla. Illum, jekk nagħtu widen għall-Ispirtu, ma nikkonċentrawx fuq min hu konservattiv u min progressiv, min hu tradizzjonalist u min innovatur, min lemini u min xellugi: jekk il-kriterji huma dawn, ifisser li fil-Knisja nsejnieh lill-Ispirtu. Il-Paraklitu jwassalna għall-għaqda, għall-fehma waħda, għall-armonija fid-diversità. Jurina li aħna partijiet tal-istess Ġisem, aħwa bejnietna. Infittxu l-flimkien! U l-għadu jrid li d-diversità tinbidel f’oppożizzjoni u għalhekk jagħmel minnha ideoloġiji. Ngħidu “le” għall-ideoloġiji, “iva” għall-flimkien.
Fl-aħħar nett, it-tielet parir kbir: “Poġġi lil Alla qablek”. Huwa l-pass deċiżiv tal-ħajja spiritwali, li mhijiex ġabra ta’ merti u ta’ opri tagħna, imma l-laqgħa umli ta’ Alla f’ħajjitna. Il-Paraklitu jisħaq fuq il-primat tal-grazzja. Jekk nitbattlu minna nfusna biss nistgħu nagħmlu wisa’ għall-Mulej; jekk nafdaw fih biss nistgħu nerġgħu nsibu lilna nfusna; jekk minn foqra fl-ispirtu nsiru għonja bl-Ispirtu s-Santu. Dan jgħodd għall-Knisja wkoll. M’aħna se nsalvaw lil ħadd u lanqas lilna nfusna bis-saħħa tagħna stess. Jekk fl-ewwel post hemm il-proġetti tagħna, l-istrutturi tagħna u l-pjanijiet tagħna ta’ riforma, naqgħu fil-funzjonaliżmu, fl-effiċjentiżmu, fl-orizzontaliżmu u ma nagħmlux frott. L-“iżmi” huma ideolġiji li jifirdu, li jaqsmu. Il-Knisja mhijiex organizzazzjoni umana – hi umana, imma mhijiex biss organizzazzjoni umana –, il-Knisja hija t-tempju tal-Ispirtu s-Santu. Ġesù ġab in-nar tal-Ispirtu fuq l-art u l-Knisja tirriforma ruħha bid-dilka, id-dilka b’xejn tal-grazzja, bil-qawwa tat-talb, bil-ferħ tal-missjoni, bil-ġmiel sempliċi tal-faqar. Ejjew inqiegħdu lil Alla fl-ewwel post!
Spirtu s-Santu, Spirtu Paraklitu u Difensur, farraġ lil qlubna. Agħmilna missjunarji tal-faraġ tiegħek, parakliti ta’ ħniena għad-dinja. Avukat tagħna, Suġġeritur ħelu tar-ruħ, agħmilna xhieda tal-preżent ta’ Alla, profeti ta’ għaqda għall-Knisja u għall-umanità, appostli weqfin fuq il-grazzja tiegħek, li kollox toħloq u kollox iġġedded. Ammen.
Sors: Laikos