Inqas minn ħmistax wara l-aħħar Vjaġġ Appostoliku storiku tiegħu fl-Asja u l-Oċeanja, il-Papa Franġisku għada se jħalli Ruma għal vjaġġ ieħor internazzjonali, is-46 wieħed barra mill-Italja, bit-tema tal-paċi u t-tama “fi żmien li fih il-kontinent qed jirriskja li jispiċċa mill-ġdid f’kunflitt”.

Bejn is-26 u d-29 ta’ Settembru, f’Lussemburgu u l-Belġju, Franġisku se jindirizza diversi temi, fosthom il-paċi, il-migrazzjoni, il-kwistjoni urġenti tal-klima, u l-futur taż-żgħażagħ, waqt li se jiffoka wkoll fuq kwistjonijiet ekkleżjali, inkluż ir-rwol tal-Kristjaneżmu fis-soċjetajiet immarkati mis-sekularizzazzjoni, u s-sehem tal-edukazzjoni Nisranija.

Fuq il-passi ta’ Ġwanni Pawlu II

L-Università Kattolika ta’ Louvain, imwaqqfa fl-1425, qed tfakkar is-600 anniversarju tagħha, u din hi waħda mir-raġunijiet tal-vjaġġ tal-Papa. Iż-żjara ħa ssir ukoll fuq il-passi tal-Papa Ġwanni Pawlu II li żar iż-żewġ pajjiżi fl-1985.

Bħal dan il-predeċessur tiegħu, Franġisku se jkollu laqgħat kemm mal-istudenti tal-Katholieke Universiteit Leuven u kemm mal-komunità akkademika tal-Université Catholique de Louvain.

Fi tmiem iż-żjara l-Ħadd, hu se jkun qed imexxi wkoll quddiesa fil-King Baudouin Stadium li fiha jibbeatifika lill-Venerabbli Anna de Jesus, li mexxiet monasteru fi Brussell għal 14-il sena. Eku tal-beatifikazzjoni li kien mexxa hawn fl-1995 Ġwanni Pawlu II, dik ta’ San Damien de Veuster, missjunarju kbir Belġjan li miet qalb il-lebbrużi tal-Hawaii li s-servizz tiegħu lilhom swielu ħajtu.

Illum il-Kattoliċi fil-Belġju jgħoddu xi 8.4 miljuni, waqt li fil-Lussemburgu huma inqas minn 300,000. “Is-sekularizzazzjoni hija problema” f’dawn il-pajjiżi, ikkummenta Matteo Bruni, Direttur tas-Sala Stampa tal-Vatikan, “imma iktar minn hekk hija forsi l-isfida ta’ xhieda Nisranija f’Ewropa fejn il-Kristjaneżmu hu inqas magħruf mill-passat, mimli mistoqsijiet, ħafna mhux espressi, u l-perċezzjoni hi waħda ta’ tnaqqis fin-numri”, waqt li żied li “diġà hemm tentattivi biex jiġu mwieġba dawn il-kwistjonijiet f’dawn il-komunitajiet, u l-Papa sejjer biex jinkuraġġihom”.

Laqgħa mal-istituzzjonijiet Ewropej

Flimkien mal-komunitajiet Kattoliċi anki minn pajjiżi ġirien, il-Papa se jkun qed iwassal il-messaġġ tiegħu lil żewġ pajjiżi fejn jinsabu “l-kwartieri ġenerali ta’ diversi istituzzjonijiet Ewropej, speċjalment ta’ natura finanzjara” u “s-sede ta’ parti kbir mill-amministrazzjoni tal-UE”.

Hawn kliem il-Papa se “jingħad lill-qalb tal-Ewropa” u “r-rwol li trid tilgħab fid-dinja fil-futur qarib” għal iktar akkoljenza u solidarjetà bejn in-nazzjonijiet, fejn xi wħud minn dawn sfaw “vittmi” ta’ okkupazzjoni u qerda u llum ibatu minn kunflitti kontinwi.

Bruni qal li t-temi li se jindirizza l-Papa se jfakkru fl-istorja ta’ dawn l-artijiet li tant xtaqu u ħadmu għall-paċi wara t-tbatija tal-Gwerer Dinjija, u fi żmien li fih il-kontinent qed jirriskja li jiġi mkaxkar f’kunflitt ieħor. Il-Papa se jindirizza wkoll kwistjonijiet ambjentali li l-kontinent qed jiddibatti.

Ma tistax tonqos ir-riflessjoni, f’ambjent ta’ tkabbir teknoloġiku u avvanz akkademiku, dwar “x’fadallu x’jgħid il-Kristjaneżmu lill-kultura Ewropea”.

Fiż-żjara ta’ erbat ijiem, il-Papa mistenni jiltaqa’ wkoll mal-awtoritajiet tal-UE u istituzzjonijiet oħra relatati.

Il-Konferenza Episkopali Belġjana aktar kmieni żvelat il-possibbiltà ta’ laqgħa privata tal-Papa ma’ 15-il vittma ta’ abbużi sesswali minn membri tal-kleru: sitt irġiel u disa’ nisa.

Sors: Newsbook Malta