-
-
“Il-kundizjonijiet li jgħixu fihom miljuni ta’ migranti u refuġjati huma diżumani. Min hu mġiegħel iħalli pajjiżu ħafna drabi hu vittma ta’ inganni, vjolenza u abbużi ta’ kull xorta. Il-pajjiżi jridu jagħtu tweġibiet aktar konkreti dwar kif nistgħu negħlbu l-isfidi tal-migranti.” Hekk qal il-Papa Franġisku waqt il-laqgħa mal-membri tal-Kummissjoni Internazzjonali Kattolika għall-Migrazzjoni.
Il-Papa saħaq li l-Mulej “kien bagħat lil Mosè għand il-faragħun biex jikkonvinċih jeħles lill-poplu tiegħu. Illum, poplu ieħor, iffurmat minn miljun persuna oppressi, qed jistenna li jkun meħlus.”
“Sabiex jinħelsu l-oppressi, l-imwarrba u l-ilsiera tal-lum, huwa essenzjali li jiġi ppromovut djalogu miftuħ u sinċier mal-mexxejja, djalogu mibni fuq l-esperjenza, it-tbatijiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu, sabiex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu. Il-proċessi mibdija mill-komunità internazzjonali lejn ftehim globali dwar ir-refuġjati u ieħor dwar il-migrazzjoni sigura, b’ċerta ordni u regolari, jirrappreżentaw spazju biex jitwettaq dan id-djalogu.”
Fi tmiem il-laqgħa, il-Papa Franġisku faħħar u rringrazzja l-membri tal-Kummissjoni Internazzjonali Kattolika għall-Migrazzjoni talli jwasslu “l-imħabba bla qis tal-Mulej” lill-migranti u r-refuġjati.
L-20 konferenza tal-Kummissjoni saret fil-Vatikan bejn is-6 u t-8 ta’ Marzu 2018. Il-Konferenza Episkopali Maltija kienet rappreżentata mid-Direttur tal-Kummissjoni Emigranti, Mons. Alfred Vella, li nħatar bħala l-persuna ta’ referenza għall-ħidma mar-refuġjati fil-Mediterran.
Waqt il-konferenza ġie elett president ġdid li għall-ewwel darba hi avukat mara mill-Awstralja, Dott. Anne Therese Gallagher.
Il-Kummissjoni Internazzjonali Kattolika għall-Migrazzjoni ilha taħdem f’dan il-qasam sa mill-1952 u twaqqfet bil-għan li tgħin lill-migranti ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Illum hu stmat li fid -dinja hawn mas-60,000,000 refuġjat.
-