Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fil-mixja tal-katekeżi tagħna fuq it-talb, illum niltaqgħu mas-sultan David. Huwa magħżul minn Alla sa minn żgħożitu għal missjoni unika li kellha rwol ċentrali fl-istorja tal-poplu ta’ Alla u tal-istess fidi tagħna. Fil-Vanġeli, Ġesù jissejjaħ iktar minn darba “bin David”; fil-fatt, bħalu twieled f’Betlehem. Mid-dixxendenza ta’ David, skont il-wegħdiet, joħroġ il-Messija: Sultan għalkollox skont il-qalb ta’ Alla, b’ubbidjenza perfetta lejn il-Missier, li l-għemil tiegħu jwettaq fedelment il-pjan tas-salvazzjoni tiegħu (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2579).
Il-biċċa ta’ David tibda fuq l-għoljiet ta’ madwar Betlehem, fejn kien jirgħa l-merħliet ta’ missieru, Ġesse. Kien għadu tfajjel, l-aħħar wieħed fost bosta aħwa. Tant li meta l-profeta Samwel, b’ordni ta’ Alla, ħareġ ifittex is-sultan il-ġdid, donnu missieru kien għoddu nsieh lil dak l-iżgħar fost uliedu (ara 1 Sam 16:1-13). Kien jaħdem fil-beraħ: nistħajluh ħabib tar-riħ, tal-ħsejjes tan-natura, tar-raġġi tax-xemx. Kellu biss kumpanija waħda tfarraġlu qalbu: iċ-ċetra; u fil-ġranet twal li kien iqatta’ waħdu kien iħobb idoqq u jgħanni lil Alla tiegħu. Kien jilgħab ukoll bl-iżbandola.
Mela David hu qabelxejn ragħaj: bniedem li jieħu ħsieb tal-annimali, li jiddefendihom meta jitfaċċa l-periklu, li jipprovdilhom biex jgħixu. Meta David, skont ir-rieda ta’ Alla, wasal biex jieħu ħsieb tal-poplu, ma wettaqx għemejjel differenti wisq minn dawn. Huwa għalhekk li fil-Bibbja x-xbieha tar-ragħaj tidher ta’ spiss. Anki Ġesù jsejjaħ lilu nnifsu “r-ragħaj it-tajjeb”, imġibtu hi differenti minn dik ta’ wieħed mixtri; huwa jagħti ħajtu għan-nagħaġ, jurihom it-triq, jaf isimhom waħda waħda (ara Ġw 10:11-18).
Mill-ewwel mestier tiegħu David tgħallem ħafna. Hekk, meta l-profeta Natan urieh bid-dnub gravi ħafna li kien għamel (ara 2 Sam 12:1-15), David dritt fehem li kien ġab ruħu ta’ ragħaj ħażin, li kien seraq mingħand bniedem ieħor l-unika nagħġa li dan kien iħobb, li ma kienx għadu qaddej umli, imma marad bil-poter, kaċċatur viljakk li joqtol u jisraq.
It-tieni karatteristika preżenti fil-vokazzjoni ta’ David hija r-ruħ tiegħu ta’ poeta. Minn din l-osservazzjoni ċkejkna nintebħu li David ma kienx bniedem vulgari, kif spiss jista’ jiġri lil individwi li jispiċċaw jgħixu għal żmien twil maqtugħa mis-soċjetà. Anzi, hu persuna sensibbli, li jħobb il-mużika u l-kant. Dejjem biċ-ċetra miegħu: xi drabi biex jgħolli quddiem Alla innu ta’ ferħ (ara 2 Sam 6:16), drabi oħra biex jesprimi karba ta’ wġigħ, jew biex jistqarr dnubu stess (ara Salm 51:3).
Id-dinja li jġib quddiem għajnejh mhix xi xena muta: wara n-nisġa tal-ġrajjiet, ħarstu tilmaħ misteru ogħla. Proprju minn hemm jinbet it-talb: mill-konvinzjoni li l-ħajja mhix xi ħaġa li tiżloq f’ħoġorna, imma misteru tal-għaġeb, li fina jqanqal il-poeżija, il-mużika, il-gratitudni, it-tifħir, jew il-karba, is-supplika. Meta persuna tkun tonqosha dik id-dimensjoni poetika, biex ngħidu hekk, meta tonqosha l-poeżija, ruħha tispiċċa zzappap. It-tradizzjoni għalhekk turina li David kien in-nissieġ il-kbir tal-kompożizzjoni tas-salmi. Fil-bidu tagħhom dawn spiss jirriferu b’mod ċar għas-sultan ta’ Iżrael, u xi wħud isemmu l-ġrajjiet nobbli jew inqas nobbli tal-ħajja tiegħu.
Għalhekk David għandu ħolma: dik li jkun ragħaj tajjeb. Xi drabi jirnexxilu jwettaq dan id-dmir tiegħu, drabi oħra inqas; imma dak li jiswa, fil-kuntest tal-istorja tas-salvazzjoni, huwa li hu sar profezija ta’ Sultan ieħor, li tiegħu huwa biss tħabbira u prefigurazzjoni.
Ejjew inħarsu lejn David, naħsbu f’David. Qaddis u midneb, ippersegwitat u persekutur, vittma u qattiel, li hi kontradizzjoni. David kien dan kollu, flimkien. U aħna wkoll fil-ħajja tagħna spiss naraw aspetti kuntrarji għal xulxin; fin-nisġa tal-ħajja, il-bnedmin kollha spiss jidinbu b’inkoerenza. Hemm biss ħajta waħda komuni, fil-ħajja ta’ David, li tgħaqqad flimkien dak kollu li jseħħ: it-talb tiegħu. Dak hu l-leħen li qatt ma jintefa. David il-qaddis, jitlob; David il-midneb, jitlob; David l-ippersegwitat, jitlob; David il-persekutur, jitlob; David il-vittma, jitlob. Anki David il-qattiel, jitlob. Din hi l-ħajta komuni tal-ħajja tiegħu. Bniedem ta’ talb. Dak huwa l-leħen li ma jintefa qatt: sew jekk tieħu t-ton ta’ ferħ, sew jekk dak ta’ krib, dejjem hi l-istess talba, il-melodija biss li tinbidel. U b’dan il-mod David jgħallimna nqiegħdu kollox fid-djalogu ma’ Alla: il-ferħ kif ukoll il-ħtija, l-imħabba kif ukoll it-tbatija, il-ħbiberija kif ukoll il-mard. Kollox jista’ jsir kelma lill-“Int” li dejjem jismagħna.
David, li kien jaf x’inhi s-solitudni, fir-realtà, waħdu ma kien qatt! U fil-verità din hi l-qawwa tat-talb, f’dawk kollha li jagħtuh spazju fil-ħajja tagħhom. It-talb ikabbrek, u David kien kbir għax kien jitlob. Imma kien qattiel li talab, nidem u reġa’ sar kbir grazzi għat-talb. It-talb ikabbarna: jista’ jiżgura r-relazzjoni tagħna ma’ Alla, li hu l-veru Sieħeb fil-mixja tal-bniedem, qalb l-elf taħbit tal-ħajja, tajjeb jew ħażin: imma hemm dejjem it-talb. Grazzi, Mulej. Qed nibża’, Mulej. Għinni, Mulej. Afħirli, Mulej. Kbira hi l-fiduċja ta’ David li, meta kienet ippersegwitat u kellu jaħrab, ma ħalla lil ħadd jiddefendih: “Jekk Alla tiegħi qed jumiljani daqshekk, huwa jaf”, għax il-kobor tat-talb jitlaqna f’idejn Alla. Dawk l-idejn miġruħa bl-imħabba: l-uniċi jdejn li żgur jieħdu ħsiebna.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard