Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Knisja, il-Papa Franġisku ħatar mara li se tkun fit-tmun ta’ Dekasteru fil-Vatikan. Sor Simona Brambilla se tkun qiegħda taqdi l-irwol ta’ Prefett tad-Dekasteru tal-Istituti tal-Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet tal-Ħajja Appostolika flimkien mal-Kardinal Ángel Fernández Artime li se jkun qed jassistiha bħala Pro-Prefett.
Is-soru ta’ 59 sena li hija membru tas-Sorijiet Missjunarji tal-Konsolata u serviet ta’ Superjura Ġenerali tal-istess Kongregazzjoni bejn l-2011 u l-2023, ilha segretarja tad-dipartiment tal-Vatikan għall-ħajja reliġjuża u kkonsagrata minn Ottubru tal-2023.
Sr Brambilla li qabel ma bdiet il-ħajja reliġjuża kienet infermiera, kienet missjunarja fil-Możambik fid-disgħinijiet. Hija mbagħad marret lura l-Italja fejn ħadmet bħala lettriċi tal-Psikoloġija fl-Università Pontifiċja Gregorjana.
Is-soru hija fost diversi nisa oħra li ġew maħtura mill-Papa Franġisku f’karigi importanti fil-Vatikan. Dan hekk kif fl-2021, huwa ħatar lis-soru Franġiskana Raffaella Petrini bħala l-ewwel mara li qed tokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Gvern tal-Istat tal-Vatikan.
Nisa oħra li qed jokkupaw irwoli ta’ kariga għolja fis-Santa Sede huma Sor Alessandra Smerilli, segretarja tad-Dikasteru għall-Promozzjoni ta’ Żvilupp Uman Integrali, Sor Nathalie Becquart, sottosegretarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, u l-lajċi Gabriella Gambino u Linda Ghisoni, sottosegretarji tad-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja.
Sors: Newsbook Malta