-
-
Kull sena fil-Ħadd ta’ qabel l-Għid il-Ħamsin il-Knisja tfakkar il-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni, u dan biex tiċċelebra l-għanijiet li laħqet il-midja u tiffoka fuq kif inhu l-aħjar twassal il-valuri tal-Evanġelju. Bi tħejjija għat-52 Jum Dinji tal-Komunikazzjoni, il-Papa Franġisku ħareġ messaġġ bit-titlu “Il-verità teħliskom (Ġw 8,32). Fake news u ġurnaliżmu ta’ paċi.”
-
Għeżież ħuti,
Il-komunikazzjoni bejn il-bnedmin hija parti mill-pjan t’Alla għalina u essenzjali biex ngħixu l-komunjoni. Il-bniedem, maħluq fuq is-sura u xbieha t’Alla, hu kapaċi jesprimi lilu nnifsu u jaqsam mal-oħrajn dak li hu veru, tajjeb u sabiħ. Hu kapaċi jirrakkonta dwar dak li jgħix u jgħaddi minnu hu, u dwar dak li jiġri fid-dinja ta’ madwaru, u hekk isawwar tifkira storika u għarfien tal-ġrajjiet. Iżda jekk il-bniedem jinħakem mill-egoiżmu tiegħu, hu jista’ jasal biex jgħawweġ anki l-mod kif juża ħiltu ħalli jikkomunika mal-oħrajn, kif naraw li seħħ sa mill-bidu fl-episodji bibliċi ta’ Kajjin u Abel u t-Torri ta’ Babel (ara Ġen 4, 1-16; 11 , 1-9). It-tgħawwiġ tal-verità hu sintomu tipiku ta’ dan, kemm fuq livell individwali, kif ukoll fuq dak kollettiv. Mill-banda l-oħra, meta l-bniedem jibqa’ fidil lejn il-pjan t’Alla, il-komunikazzjoni ssir espressjoni effettiva li biha hu jesprimi r-responsabbiltà tiegħu fit-tfittxija għall-verità u għall-ġid komuni.
Illum, f’dinja ta’ bidliet hekk mgħaġġla fil-mezzi ta’ komunikazzjoni u s-sistemi diġitali, qed nassistu għall-fenomenu tal-fake news, xi ħaġa li titlob minna riflessjoni. Huwa dan li wassalni biex f’dan il-messaġġ nitkellem fuq il-verità, kif ġa għamlu drabi oħra l-predeċessuri tiegħi, ibda minn Papa Pawlu VI (ara Messaġġ 1972: Il-komunikazzjoni soċjali għas-servizz tal-verità). B’hekk nixtieq nagħti l-kontribut tiegħi fl-impenn komuni biex il-fenomenu tal-fake news ma jkomplix jikber u biex niskopru mill-ġdid il-valur tal-professjoni ġurnalistika u r- responsabbiltà li kull wieħed għandu fejn tidħol il-komunikazzjoni tal-verità.
1. X’hemm li hu falz fil-fake news?
It-terminu fake news hu oġġett ta’ diskussjoni u dibattitu. Dan it-terminu, ġeneralment, jirreferi għat-tixrid ta’ informazzjoni falza li tingħata onlinejew permezz tal-media tradizzjonali, informazzjoni mibnija fuq fatti li ma jeżistux jew li huma mgħawġa, immirati biex jingannaw u saħansitra jimmanipulaw lil min isir jafhom. Il-fake news jintużaw biex wieħed jasal għal objettivi li jkollu f’moħħu, biex jinfluwenzaw għażliet politiċi jew għal interessi ekonomiċi.
Il-fake news, l-ewwelnett, iħallu effett minħabba n-natura mimika tagħhom, jiġifieri minħabba l-kapaċità li jidhru plawsibbli. It-tieni, dawn l-aħbarijiet foloz, li jidhru ta’ min jemminhom, isibu fejn jimirħu għax jattiraw ħafna attenzjoni billi jappellaw għal sterotipi u preġudizzji soċjali komuni, filwaqt li jisfruttaw l-emozzjonijiet istantanji bħalma huma l-ansjetà, id-disprezz, ir-rabja u l-frustazzjoni. Ħafna drabi, it-tixrid tal-fake newsiserraħ fuq l-użu manipulattiv tas-social networks u tal-mod kif jaħdmu. Hekk, għalkemm il-kontenut ikun nieqes minn kull bażi, l-aħbarijiet jixterdu malajr u diffiċli trażżan il-ħsara li jagħmlu, anki meta jkunu miċħuda b’mod awtorevoli.
Diffiċli turi li dak li jingħad huwa falz u li tqaċċat l-għeruq tiegħu għax in-nies spiss ikollhom kuntatt bejniethom permezz ta’ mezzi diġitali omoġenji li ma jwasslux ideat u opinjonijiet diverġenti. Meta jkun hemm din il-loġika ta’ informazzjoni falza jiġri li, minflok konfrontazzjoni sana ma’ sorsi oħra ta’ informazzjoni li tnissel diskussjoni pożittiva dwar il-preġudizzji u tiġġenera djalogu, ikun hemm ir-riskju li wieħed, bla ma jrid, jibda jxerred ideat preġudikati u bla bażi. Id-disgrazzja tal-informazzjoni falza hi li ttellef ir-reputazzjoni tal-oħrajn, iġġiegħelhom jidhru bħala għedewwa u sa tasal biex tiddemonizzhom u taqla’ l-inkwiet. L-aħbarijiet foloz huma sinjal ta’ attitudnijiet intolleranti u sensittivi iżżejjed li jġibu arroganza u mibegħda. Dan hu r-riżultat aħħari tal-falsità.
2. Kif nistgħu nagħrfu l-fake news?
Ħadd minna ma jista’ jħossu meħlus mid-dmir li joħodha kontra din il-falsità. Din mhix biċċa xogħol faċli, għax l-informazzjoni falza spiss isserraħ fuq diskors imlewwen, intenzjonat biex ikun evażiv u biex jinganna b’mod sottili, u xi drabi jagħmel użu minn mekkaniżmi raffinati. Għalhekk ta’ min ifaħħar inizjattivi edukattivi intenzjonati biex jgħinu lin-nies jagħrfu kif għandhom jinterpretaw u jivvalorizzaw l-informazzjoni li twassal il-media, u jgħallmuhom jagħtu sehem attiv biex jinkixef dak li hu falz minflok ma jgħinu fit-tixrid ta’ informazzjoni falza. Ta’ min ifaħħar ukoll l-inizjattivi istituzzjonali u legali li jimmiraw lejn regolamenti li jrazznu dan il-fenomenu, kif ukoll il-ħidma li qed issir minn kumpanniji fil-qasam tat-teknoloġija u l-media ħalli jkunu jistgħu jiġu ivverifikati identitajiet personali li qed jinħbew wara miljuni ta’ profili diġitali.
Iżda mal-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta’ mekkaniżmi li jxerrdu informazzjoni falza hemm bżonn ukoll ta’ dixxerniment profond magħmul b’attenzjoni. Hemm bżonn inneħħu l-maskra ta’ dik li nistgħu nsejħulha ‘t-tattika tas-serp’, tattika li kapaċi turi ħaġa b’oħra u tasal fejn trid hi. “Is-serp, l-aktar wieħed li jilħaqlu”, li naqraw dwaru fil-Ktieb tal-Ġenesi, uża din it-tattika: kif bdiet l-istorja tal-umanità ħoloq l-ewwel fake news (ara Ġen 3,1-15). Il-falsità tas-serp wasslet għall-istorja traġika tad-dnub tal-bniedem, li fil-bidu tagħha seħħ l-ewwel fratriċidju (ara Ġen 4) u bosta ħażen ieħor kontra Alla, il-proxxmu, is-soċjetà u l-ħolqien. L-istrateġija ta’ dan “il-ġiddieb u missier il-ġideb” (Ġw 8:44) hija propju l-arti tal-mimika, dik il-forma ta’ seduzzjoni qarrieqa u perikoluża li ssewwes qalb il-bniedem b’argumenti foloz li jħajruh.
Fir-rakkont tal-ewwel dnub naraw li it-tentatur resaq lejn il-mara bħala ħabib, xi ħadd li interessa ruħu fil-ġid tagħha; beda d-diskors tiegħu b’xi ħaġa li ma kenitx għal kollox veru:“Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien?’ “ (Ġen 3,1). Alla qatt ma kien qal lil Adam biex ma jikolx mis-siġar kollha tal-ġnien, imma qallu “mis-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin la tikolx” (Ġen 2,17). Il-mara kkoreġietu lis-serp, iżda waqgħet għall-provokazzjoni tiegħu: “Mill-frott li hemm f’nofs il-ġnien, Alla qalilna: ‘La tiklux minnu, u lanqas ma għandkom tmissuh, inkella tmutu” (Ġen 3,2). It-tweġiba tagħha kienet pjuttost legalistika u pessimista. Wara li semgħet lill-qarrieq u emmnet il-verżjoni tiegħu, hi kienet żgwidata; tat widen għall-kliem ta’ serħan il-moħħ li qalilha: “Le, żgur ma tmutux” (Ġen3, 4). Il-mod kif kompla jitkellem it-tentatur deher li qisu kien ta’ min jemmnu: ”Alla jaf li dakinhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin” (Ġen 3, 5). Dan wassal lill-mara biex titlef il-fiduċja fil-kmand ta’ missier li Alla kien tahom għall-ġid tagħhom u nħakmet mill-ħajra seduttiva tal-għadu: “Il-mara rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn u tħajrek”(Ġen 3,6). Dan l-episodju bibliku jdawwal punt essenzjali fir-riflessjoni tagħna: m’hemm ebda informazzjoni falza li ma tagħmilx ħsara; anzi, il-fiduċja f’dak li hu falż tista’ ġġib konsegwenzi koroh. Anki dak li jista’ jidher bħala ftit tgħawwiġ tal-verità jista’ jkollu effetti perikolużi.
Hawnhekk tidħol ir-regħba tagħna l-bnedmin. Spiss il-fake news isiru virali; jixterdu tant malajr li diffiċli twaqqafhom. U dan mhux minħabba s-sens ta’ kondiviżjoni li jikkaratterizza s-social media, imma għax jappellaw għal dik ir-regħba kbira li aħna l-bnedmin faċli ninħakmu minnha. L-istess skopijiet ekonomiċi u manipulattivi li jmantu l-informazzjoni falza għandhom l-għeruq tagħhom fil-kilba għall-poter, fix-xewqa tal-bniedem li jakkwista u jgawdi, li fl-aħħar mill-aħħar tagħmlu vittma ta’ xi ħaġa aktar traġika: tal-poter qarrieqi tal-ħażen li minn gidba jgħaddi għall-oħra biex jisraq il-libertà li tgħammar fina. Għalhekk, teduka għall-verità jfisser tgħallem lin-nies jiddixxernu, jivvalorizzaw u jifhmu x-xewqat u l-inklinazzjonijiet profondi li hemm fil-bniedem, biex il-mira għat-tajjeb ma tonqosx u biex ma jċedux għal kull tentazzjoni.
3. “Il-verità teħliskom” (Ġen 8:32)
Tinġis kostanti b’lingwaġġ qarrieqi jispiċċa biex iddallam il-ħajja interjuri tagħna. Osservazzjoni ta’ Dostoevskij tixħet dawl fuq dan: “Min hu giddieb miegħu nnifsu u jisma’ l-gideb li jgħid hu, jasal biex ma jagħrafx aktar il-verità, la dik li hemm fih u lanqas dik ta’ madwaru; u allura jitlef kull rispett lejh innifsu u lejn l-oħrajn. U la ma jkollux rispett, jieqaf iħobb, u biex jokkupa u jaljena lilu nnifsu, jagħti lok għall-passjonijiet u għall-pjaċiri vulgari u jogħdos fil-bestjalità tal-vizzji; dan kollu jiġi mill-fatt li hu giddieb mal-oħrajn u miegħu nnifsu” (L-Aħwa Karamazov, II,2).
Allura, kif ser niddefendu lilna nfusna? Ir-rimedju l-aktar radikali għall-virus tal-falsità hu li nħallu l-verità ssaffina. Fil-ħsieb nisrani, il-verità mhijiex biss realtà konċettwali, li għandha x’taqsam ma’ kif niġġudikaw l-affarijiet u ngħidu jekk humiex vera jew foloz. Il-verità ma tikkonsistix biss filli nġibu għad-dawl affarijiet moħbija; “niżvelaw ir-realtà”, bħalma jwassalna biex naħsbu t-terminu antik Grieg aletheia (minn a-lethès, “mhux moħbi”). Il-verità għandha x’taqsam mal-ħajja tagħna kollha kemm hi. Fil-Bibbja, il-verità ġġib magħha s-sens ta’ sostenn, solidità, fiduċja, bħal ma jimplika l-għerq ‘aman’, li minnu ġejja l-espressjoni liturġika ‘Ammen’. Il-verità hija dik li fuqha nistgħu nserrħu biex ma naqgħux. F’dan is-sens ta’ relazzjonijiet, l-uniku wieħed li nistgħu nserrħu fuqu u jkollna fiduċja fih – dak li hu “veru” u nistgħu nafdaw fiH – huwa Alla, il-ħaj. Ġesu’ qalilna: “Jiena l-verità” (Ġw,14,6). Aħna niskopru u niskopru mill-ġdid il-verità meta nagħmlu l-esperjenza tagħha għax inħossu l-lealtà u l-fiduċja ta’ Dak li jħobbna. Dan biss jagħmilna ħielsa: “Il-verità teħliskom”. (Ġw 8,32).
Irridu nkunu ħielsa minn dak kollu li hu falz u nfittxu li nibnu r-relazzjonijiet: dawn huma żewġ affarijiet li ma nistgħux ngħaddu mingħajrhom jekk irridu li l-kliem u l-ġesti tagħna jkunu veri, awtentiċi u ta’ min joqgħod fuqhom. Biex niddixxernu l-verità, jeħtieġ li niddixxernu dak li jqanqal il-komunjoni u jippromwovi t-tajjeb minn dak li, għall-kuntrarju, jiżola, jifred u jopponi. Il-verità ma naslux għaliha billi tkun imposta fuqna minn barra bħala xi ħaġa impersonali, iżda naslu għaiha bir-relazzjonijiet ħielsa li nibnu ma’ persuni oħra u billi nkunu lesti li nisimgħu lil xulxin. Qatt ma nistgħu niefqu nfittxu l-verità, għax xi ħaġa falza dejjem tista’ tidħol, anki meta ngħidu affarijiet li huma veri. Argumentazzjoni impekkabbli tista’ sserraħ fuq fatti li ħadd ma’ jista’ jiċħadhom, iżda korretta kemm hi korretta, jekk din tkun użata biex tweġġa’ u tiskredita l-persuna l-oħra, allura hawnhekk ma jkunx hawn verità. Il-verità tad-dikjarazzjonijiet tingħaraf mill-frott tagħha: dak li jingħad qed iqajjem polemika, iġib firda, riżenji, jew qed iwassal għal riflessjoni serja u matura, għal djalogu kostruttiv, għal ħidma siewja.
4. Il-paċi hi l-aħbar vera
L-aħjar rimedju kontra l-falsità mhumiex l-istrateġiji, iżda l-persuni: persuni ħielsa mir-rebgħa, lesti li jisimgħu lill-oħrajn u jagħmlu sforz biex jibnu djalogu sinċier, u hekk iħallu l-verità toħroġ; persuni attirati minn dak li hu tajjeb u li jħossuhom responsabbli tal-mod kif jitkellmu. Jekk ir-responsabbiltà hi t-tweġiba biex il-fake news ma jinxterdux, allura żgur li piż sew ta’ din responsabbilità jaqa’ fuq dawk li xogħolhom hu li jipprovdu l-informazzjoni, jiġifieri l-ġurnalisti, li huma l-protetturi tal-aħbarijiet. Fid-dinja tal-lum, il-ġurnalista mhux biss qed jagħmel xogħol, iżda qed iwettaq missjoni. F’din il-ferneżija għall-aħbarijiet u għall-iscoops, hu jrid iżomm f’moħħu li ċ-ċentru tal-aħbarijiet m’għandhiex tkun il-ħeffa li biha tasal l-aħbar u l-impatt li ser tħalli fuq l-udjenza, imma l-persuni. Tinforma jfisser tifforma; hemm involuta l-ħajja tal-persuni. Għalhekk wieħed irid ikun ċert mill-eżatezza tas-sorsi u jipproteġi l-komunikazzjoni għax dawn huma l-mezzi veri biex jippromwovi dak li hu tajjeb, jiġġenera fiduċja u jiftaħ it-triq għall-komunjoni u l-paċi.
Nixtieq nistieden lil kulħadd biex jippromwovi ġurnaliżmu ta’ paċi. B’dan ma rridx nifhem li għandu jkun hemm xi ġurnaliżmu “twajjeb” li jiċħad l-eżistenza tal-problemi gravi u jkollu xi ton sentimentali. Għall-kuntarju, nifhem li għandu ikun hemm ġurnaliżmu mimli verità, ostili għall-falsità, slogans rettoriċi u headlines sensazzjonali; ġurnaliżmu magħmul min-nies għan-nies, li hu ta’ servizz għal kulħadd, l-aktar għal dawk bla vuċi li huma l-maġġoranza fid-dinja tagħna; ġurnaliżmu li aktar milli jikkonċentra fuq breaking news, jagħmel ħiltu biex ifittex x’inhu dak li qed jikkawża l-kunflitti, ħalli jifhem l-għeruq tagħhom u jgħin biex jingħelbu billi jinfetħu toroq għall-proċessi siewja; ġurnaliżmu impenjat fl-indikazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi fejn jiżdied l-għajjat u l-vjolenza verbali.
Għalhekk, ispirati minn talba franġiskana, nistgħu nduru lejn Dak li hu l-Verità u nitolbuh:
Mulej, agħmilna strumenti tal-paċi tiegħek.
Għinna nagħrfu l-ħażen li jinħeba f’komunikazzjoni li ma toħloqx komunjoni.
Agħtina l-ħila li neħħu l-velenu mill-ġudizzji tagħna.Għinna nitkellmu fuq l-oħrajn bħallikieku kienu ħutna.
Int ta’ min jafdak u jkollu fiduċja fik; agħmel li bi kliemna niżirgħu t-tajjeb fid-dinja:fejn hemm l-istorbju, agħmel li nkunu nafu nisimgħu;
fejn hemm il-konfużjoni, agħmel li nispiraw armonija;fejn hemm l-ambigwità, agħmel li noffru ċ-ċarezza;
fejn hemm l-esklużjoni, agħmel li nagħtu s-sehem tagħna għas-solidarjetà;fejn hemm is-sensazzjonaliżmu, agħmel li nużaw is-sobrjetà;
fejn hemm is-superfiċjalità, agħmel li nagħmlu mistoqsijiet veri;fejn hemm il-preġudizzju, agħmel li nqanqlu fiduċja;
fejn hemm l-aggressività, agħmel li nwasslu rispett;
fejn hemm il-falsità, agħmel li nwasslu l-verità.
Ammen.Franġisku