L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja”. Dan hu l-kliem li smajna lil Ġesù jgħid lill-Fariżej illum, fl-Evanġelju skont San Ġwann, u nistgħu nifhmu ħafna dan il-kliem fil-kuntest ta’ kif qalu Ġesù. Dal-kliem qalu eżatt wara s-silta fejn lil Ġesù fit-tempju dawn il-Fariżej u l-kittieba ħadulu l-mara li nqabdet fl-adulterju. U hemmhekk ħaduha quddiemu biex lilu jġibuh dahru mal-ħajt. Jgħidulu: din inqabdet fl-adulterju, il-liġi tgħid li għandna nħaġġruha, x’għandna nagħmlu? U hemmhekk Ġesù qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub, jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. Dakinhar dawk li kienu qed jakkużawha kollha telqu. Imbagħad Ġesù lilha qalilha: “Ħadd minnhom ma kkundannak? … Mela anqas jien ma nikkundannak. Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”.
Għalhekk, nifhmu dan il-kliem li qal Ġesù – “min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” – meta niftakru proprju f’din il-ġrajja. Hemmhekk Ġesù hu d-dawl tal-ħajja għal din il-mara. Ġesù lilha ħelisha minn dawk li kienu qed jakkużawha u li riedu jħaġġruha, u għalhekk itemmu ħajjitha; imma ħelisha wkoll mid-dnub tagħha, minn dak li kien ijassarha. Hemmhekk Ġesù, għal din il-mara, kien id-dawl. U Ġesù ried ukoll li jkun id-dawl għall-Fariżej u l-kittieba li kienu qed jakkużawha, billi jurihom li huma ma għandhomx jikkundannaw din il-persuna, imma l-ewwel għandhom jaraw il-ħajja tagħhom kif inhi. Ġesù ried ikun dawl għal din il-mara u għall-Fariżej ukoll.
Il-Papa Franġisku jfisser ħafna għalina; hu s-suċċessur ta’ Pietru li ġie fostna, biex lilna jgħinna ħalli ma nimxux fid-dlam imma jkollna d-dawl għall-ħajja.
Dan hu żgur messaġġ importanti għalina. Ġesù jrid ikun id-dawl għal ħajjitna, biex aħna ma nimxux fid-dlam iżda jkollha d-dawl tal-ħajja. Lilna wkoll Ġesu jgħinna, bħalma għen lil dik il-mara, biex ninħelsu mid-dnub tagħna, minn dak li jżommna fil-ħażen. U jgħinna wkoll, bħalma ried jgħin lill-Fariżej, biex ma nħarsux lejn l-oħrajn, il-persuni, b’għajnejn ta’ akkuża u ta’ kundanna imma nagħrfu nagħmlu d-distinzjoni bejn dak li hu ħażin – li rridu nkomplu ngħidulu ħażin – u l-persuna li għandna dejjem ngħinuha biex toħroġ mill-ħażen tagħha.
Dan il-kliem – “min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” – rajnieh proprju fl-esperjenza sabiħa taż-żjara tal-Papa Franġisku fostna. Il-preżenza tiegħu, kollha mħabba, u l-kelma tiegħu, flimkien jagħtuna d-dawl biex ma nimxux fid-dlam imma jkollna d-dawl tal-ħajja. Il-Papa Franġisku jfisser ħafna għalina; hu s-suċċessur ta’ Pietru li ġie fostna, biex lilna jgħinna ħalli ma nimxux fid-dlam imma jkollna d-dawl għall-ħajja. Aħna hekk għandna nagħmlu. Mhux biss ikollna memorji sbieħ taż-żjara tiegħu fostna, li hi ħaġa sabiħa ħafna, imma ma’ dan ngħaqqdu wkoll li niftħu widnejna u qalbna għall-kelma tiegħu, għal dak li qalilna, li hu tant importanti għalina personali u għas-soċjetà Maltija wkoll.
Hu qalilna, pereżempju, fuq l-importanza li mmorru għall-essenzjali tal-fidi tagħna; l-akkoljenza tal-oħrajn; ir-rispett lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem mill-ewwel mument tagħha sat-tmiem naturali tagħha u f’kull waqt tagħha; l-importanza wkoll tal-valuri li jibnu s-soċjetà – tal-ġustizzja, tal-onestà, tas-sens ta’ dover, tat-trasparenza; il-ħarsien tal-ħolqien; li nħarsu lejn il-migranti mhux bħala virus ta’ theddida – dan hu l-kliem tiegħu – imma bħala persuni b’dinjità li għandhom stejjer dolorużi. Tant messaġġi li tana li huma importanti biex ma nimxux fid-dlam imma jkollna d-dawl tal-ħajja.
Nitolbu lill-Mulej, bi gratitudni lejn il-Papa Franġisku, il-Vigarju tiegħu fostna, biex aħna nagħrfu fil-ħajja tagħna nimxu warajh, wara l-Mulej, kif ħeġġiġna ħafna l-Papa Franġisku, ħalli ma nimxux fid-dlam iżda jkollna d-dawl tal-ħajja.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju