• Il-Papa Franġisku kkundanna l-attakk terroristiku li qatel aktar minn 300 persuna, inkluż tfal, fil-belt ta’ Mogadishu, is-Somalja. 

    Waqt l-udjenza ġenenrali fi Pjazza San Pietru, il-Papa qal li xtaq jesprimi n-niket tiegħu għall-massakru li ġara s-Sibt.
     
    “Dan l-att terroristiku,” qal il-Papa, “jistħoqqlu li jkun ikkundannat bil-qawwa, anke għaliex sar fuq popolazzjoni li diġà qiegħda tbati ħafna.”
     
    Il-Papa qal li qed joffri t-talb tiegħu għall-mejtin, għall-midruba, għall-familji tagħhom u għan-nies kollha tas-Somalja.
     
    “Nitlob għall-konverżjoni tal-persuni vjolenti u nibgħat messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk li, b’diffikultajiet enormi, qed jaħdmu għall-paċi f’din l-art ittorturata,” saħaq il-Papa Franġisku.
     
    Mill-isplużjoni ta’ nhar is-Sibt li għadda f’Mogadishu, għad hemm mas-70 persuna rrappurtata nieqsa. Dan qed jitqies bħala wieħed mill-agħar attakki li qatt saru fl-aħħar snin.
    Il-Gvern Somalo qal li wara l-attakk hemm id tal-grupp estrem Al-Shabab.
     

    Sors: Radju tal-Vatikan