-
-
L-Erbgħa filgħodu, Donald Trump, il-President Amerikan, iltaqa’ mal-Papa Franġisku fejn qattgħu nofsiegħa jitkellmu wara bibien magħluqa fil-Vatikan.
Wara, il-mexxej Amerikan iltaqa mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, flimkien mal-Arċisqof Paul Gallagher, is-Segretarju tas-Santa Sede għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi.
Trump, kien akkumpanjat minn martu Melania, kif ukoll minn bintu u r-raġel tagħha, li qabel ma waslu l-Vatikan żaru wkoll l-Arabja Sawdija, l-Iżrael u l-Palestina.
Wara l-udjenza mal-Papa, Trump żar il-Bażilika ta’ San Pietru u l-Kappella Sistina u kompla triqtu għall-Palazz Quirinale għal laqgħa mal-President Taljan Sergio Mattarella.
Fl-istess ħin, Melania Trump għandha skedata żjara fl-isptar tat-tfal f’Ruma Bambin Gesù, waqt li t-tifla tagħhom, Ivanka, se tiltaqa’ mal-vittmi tal-ittraffikar tal-bniedem li qed jingħataw il-kura mill-komunità ta’ Sant’Egidio.
Wara ż-żjara fl-Italja u l-Vatikan, id-delegazzjoi Amerikana se ssiefer lejn Brussell għal summit tan-Nato.
-