• Grupp ta’ 27 resident/a tad-Dar tal-Providenza, flimkien mal-carers tagħhom, iltaqgħu ma’ Papa Franġisku dalgħodu wara r-reċita tal-Angelus biswit Casa Santa Marta. Magħhom kien hemm l-Arċisqof Mons Charles J. Scicluna, l-Arċisqof Emeritus Pawl Cremona OP, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, l-amministrazzjoni u l-carers tad-Dar. Il-Papa kellem, ħa b’idejn u ċċajta mar-residenti u għannaq lil Frankie Bonello, wieħed mir-residenti li kien għadu kif ippreżentalu kallotra bajda f’isem ir-residenti kollha tad-Dar tal-Providenza.

    Minkejja li kien għadu kif għamel ir-reċita tat-talba tal-Angelus għall-fidili fi Pjazza San Pietru, Papa Franġisku waqaf quddiem il-pellegrini minn Malta u talab magħhom u berikom.

    Din il-laqgħa mal-Papa ma setgħetx ma tkunx waħda emozzjonali u ħafna kienu dawk l-uċuħ li kellhom demgħa jew tnejn. Naturalment, dan ma kienx vjaġġ faċli biex id-Dar tal-Providenza ittella’ sebgħa w għoxrin resident/a Ruma bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed tagħmel biex tfakkar il-ħamsin sena mit-twaqqif tagħha minn Dun Mikiel Azzopardi fit-12 ta’ Settembru 1965.

    Aktar kmieni Mons Arċisqof Charles J. Scicluna qaddes fil-kripta ta’ San Pietru, quddiem il-qabar tiegħu taħt l-artal ewlieni fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.