Għeżież ħuti!

Is-sena l-oħra rriflejna fuq il-ħtieġa li “immorru naraw” biex niskopru r-realtà u nkunu nistgħu nirrakkuntawha billi nibdew mill-esperjenza ta’ dak li jkun qed jiġri u ta’ meta niltaqgħu man-nies. Biex inkompli fuq din l-istess linja, issa nixtieq niffoka fuq verb ieħor, “li tisma”, li huwa deċiżiv fil-grammatika tal-komunikazzjoni u huwa kundizzjoni biex ikun hemm djalogu awtentiku.

Fil-fatt qed nitilfu l-ħila li nisimgħu lil min inkunu quddiemu, kemm fir-relazzjonijiet  fil-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll fid-dibattiti dwar l-aktar kwistjonijiet importanti tal-ħajja ċivili. Fl-istess ħin, is-smigħ qed ikollu żvilupp importanti ġdid fil-qasam tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni, permezz tad-diversi podcasts u messaġġi awdjo, li juruna li s-smigħ għadu meħtieġ fil-komunikazzjoni umana.

Tabib famuż, li mdorri jfejjaq il-ġrieħi tar-ruħ, staqsewh x’inhu dak li għandhom bżonn l-iktar in-nies. Huwa wieġeb: “Ix-xewqa bla limitu li xi ħadd jismagħhom’”. Xewqa li ħafna drabi tibqa’ moħbija, imma li hija sfida għal kull min hu msejjaħ biex jeduka jew jifforma lill-oħrajn, jew kullmin għandu rwol li jikkomunika: ġenituri u għalliema, rgħajja u ħaddiema pastorali, dawk li jaħdmu fil-qasam tal-informazzjoni u dawk li jagħtu servizz soċjali jew politiku.

Isma’ bil-widna tal-qalb

Mill-paġni tal-bibbja nitgħallmu li s-smigħ ma jfissirx biss li nindunaw bil-ħoss, iżda huwa essenzjalment marbut mar-relazzjoni ta’ djalogu bejn Alla u l-bniedem. “Shemà Israel – Isma’, Iżrael” ( Dt 6,4), li huma l-ewwel kelmiet tal-ewwel kmandament tat-Torah. Dawn insibuhom ripetuti diversi drabi fil-Bibbja, sal-punt li San Pawl jafferma li “il-fidi tiġi mis-smigħ” ( Rum 10,17). L-inizjattiva, fil-fatt, hija ta’ Alla li jkellimna, u aħna nweġbuh billi nisimgħuh. Dan is-smigħ, wara kollox, ġej mill-grazzja tiegħu, kif jiġri lil tarbija tat-twelid li twieġeb għall-ħarsa u l-leħen ta’ ommha u missierha. Jidher li mill-ħames sensi, l-iktar wieħed li hu favorit ta’ Alla huwa s-smigħ, forsi għax huwa inqas invażiv, aktar diskret mis-sens tal-ħars, u għalhekk iħalli lill-bniedem aktar fil-libertà.

Is-smigħ jikkorrispondi mal-istil umli ta’ Alla. Hija dik l-azzjoni li tippermetti lil Alla jirrivela lilu nnifsu bħala Dak li, meta jitkellem, joħloq il-bniedem fuq ix-xbieha tiegħu, u meta jisma’ Hu jkun qed juri li hu sħab mal-bniedem permezz tad-djalogu. Alla jħobb lill-bniedem: għalhekk huwa jkellem lill-bniedem, u għalhekk “imejjel widintu” biex jisma’ lill-bniedem.

Min-naħa l-oħra, il-bniedem għandu ħabta li jaħrab minn din ir-relazzjoni, jagħti dahru u “jsodd widnejh” biex ma jkollux għalfejn jisma’. Meta l-bniedem jirrifjuta li jisma’, ta’ spiss jispiċċa jsir aggressiv lejn l-oħrajn, bħalma ġara lil dawk li kienu qed jisimgħu lid-djaknu Stiefnu u li saddew widnejhom, u ntefgħu fuqu f’daqqa waħda (ara Atti 7,57).

Minn naħa l-waħda, hemm Alla li dejjem juri lilu nnifsu billi jikkomunika b’mod liberu, u min-naħa l-oħra hemm il-bniedem li hu meħtieġ li jkun dispost li jisma’. Il-Mulej isejjaħ espliċitament lill-bniedem għal patt ta’ mħabba, u dan sabiex il-bniedem ikun jista’ jsir bis-sħiħ dak li hu: xbieha ta’ Alla, li għandu l-ħila li jisma’, li jilqa’, li jagħti spazju lill-ħaddieħor. Is-smigħ, fuq kollox, huwa dimensjoni tal-imħabba.

Għal din ir-raġuni Ġesù jistieden lid-dixxipli tiegħu biex jiċċekkjaw kemm huma kapaċi jisimgħu. “Għalhekk oqogħdu attenti kif tisimgħu” ( Lq 8,18): hekk jissuġġerilhom wara li qalilhom  il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra, ħalli huma jifhmu tajjeb li mhux biżżejjed tisma’, imma trid tisma’ tajjeb. Dawk biss li jilqgħu l-Kelma b’qalb “tajba u sinċiera” u li jżommuha fedelment, dawn huma li jagħtu frott ta’ ħajja u ta’ salvazzjoni (ara Lq 8,15). Huwa biss meta noqogħdu attenti lil min nisimgħu, dak li nisimgħu, kif nisimgħu, li nistgħu nikbru fl-arti tal-komunikazzjoni, li ċ-ċentru tagħha mhijiex teorija jew teknika, imma l-“l-ħila tal-qalb li tersaq qrib ħaddieħor” (Ittra Appostolika  Evangelii gaudium , 171).

Ilkoll għandna widnejn, imma ħafna drabi anke dawk li għandhom smigħ perfett ma jistgħux jisimgħu lil ħaddieħor. Fil-fatt nistgħu nkunu torox minn ġewwa, li huwa agħar milli nkunu torox fiżikament. Is-smigħ, fil-fatt, ma jikkonċernax biss is-sens tas-smigħ, iżda lill-persuna kollha. Il-vera smigħ jibda mill-qalb. Is-Sultan Salamun, għad illi kien għadu żgħir ħafna, wera li kien għaqli għax talab lill-Mulej jagħtih “qalb li tisma’” ( 1 Slaten 3: 9 ). U Santu Wistin jistedinna biex nisimgħu bil-qalb (corde audire), biex nilqgħu l-kliem mhux minn barra fil-widnejn, imma spiritwalment fil-qalb: “M’għandux ikollkom qalbkom f’widnejkom, imma widnejkom ġo qalbkom”.[1] U San Franġisk t’Assisi kien ħeġġeġ lil ħutu biex “imejlu l-widna tal-qalb”.[2]

Għalhekk, l-ewwel smigħ li wieħed għandu jiskopri mill-ġdid meta jfittex li jagħmel komunikazzjoni vera huwa li jisma’ lilu nnifsu, li jisma’ l-ħtiġijiet l-aktar veri tiegħu, dawk miktuba fil-qalb ta’ kull persuna. U nistgħu nibdew biss, billi nisimgħu dak li jagħmilna uniċi fil-ħolqien: ix-xewqa li nkunu f’relazzjoni mal-oħrajn u ma’ Alla. Aħna mhux maħluqa biex ngħixu bħallikieku atomi, għal rasna, iżda flimkien.

Is-smigħ bħala kundizzjoni ta’ komunikazzjoni tajba

Hemm użu tas-smigħ li mhuwiex smigħ veru, iżda l-oppost tiegħu: li wieħed joqgħod jissemma’ u jissindika. Fil-fatt, tentazzjoni dejjem preżenti li llum, fi żmien il-media soċjali tidher li marret għall-agħar, hija dik li wieħed jissindika jew jispjuna b’mod li jisfrutta lill-oħrajn għall-interess tiegħu innifsu. Anzi, dak li jagħmel il-komunikazzjoni tajba u kompletament umana huwa proprju li nisimgħu lil min ikun quddiemna, wiċċ imb’wiċċ, nisimgħu lill-ieħor u li nersqu lejn dak li jkun b’lejaltà, b’fiduċja u b’onestà.

In-nuqqas ta’ ħila li wieħed jisma’ ngħixuha ħafna drabi fil-ħajja ta’ kuljum, imma sfortunatament tinsab preżenti wkoll fil-ħajja pubblika, fejn, minflok nisimgħu lil xulxin, ħafna drabi ma nkunux kapaċi niddjalogaw ma’ xulxin fuq xi suġġett partikulari. Dan huwa sintomu tal-fatt li minflok infittxu dak li hu tajjeb u veru, nippruvaw nilħqu kunsens; aktar milli nisimgħu lil xulxin, noqogħdu attenti li nogħġbu lis-semmiegħa u lit-telespettaturi. Komunikazzjoni tajba, min-naħa l-oħra, ma tipprivax timpressjona lill-pubbliku b’xi battuta li jkollha l-għan li tirredikola lin-naħa l-oħra, iżda tagħti attenzjoni għall-argumenti tal-ieħor u tipprova taqbad il-kumplessità tar-realtà. Hija ta’ diqa meta, anke fil-Knisja, jiġu ffurmati klikek ta’ xi idejoloġija, fejn is-smigħ jisparixxi u minflok ikun hemm fehmiet differenti sterili.

Fir-realtà, f’ħafna djalogi ma nikkomunikaw xejn. Sempliċement nistennew li l-ieħor jispiċċa jitkellem biex imbagħad nimponu l-fehma tagħna. F’dawn is-sitwazzjonijiet, kif jinnota l-filosfu Abraham Kaplan,[3] id-djalogu huwa duwologu , monologu f’żewġ partijiet. Fil-komunikazzjoni vera, madankollu, il-“Jien” u l-“Int” it-tnejn joħorġu lejn xulxin biex jiltaqgħu flimkien.

Is-smigħ huwa għalhekk l-ewwel ingredjent indispensabbli ta’ djalogu u komunikazzjoni tajba. Il-komunikazzjoni ma sseħħx jekk l-ewwel ma jkunx hemm smigħ, u ma jeżistix ġurnaliżmu tajjeb mingħajr il-ħila li wieħed l-ewwel jisma’. Biex wieħed joffri tagħrif sod, bilanċjat u komplut, l-ewwel hemm bżonn li wieħed jisma’ għal ħin twil. Biex tirrakkonta aħbar jew biex tirrapporta xi ħaġa li tkun ġrat, huwa meħtieġ li l-ewwel tkun taf tisma’, u li tkun lest ukoll li jekk hemm bżonn tbiddel il-fehma tiegħek, li tibdel dak li inti kont qed taħseb qabel.

Huwa biss meta wieħed iwarrab fil-ġenb il-monologu, li wieħed jista’ jasal għal dik l-armonija ta’ ilħna li hija garanzija ta’ komunikazzjoni vera. Meta wieħed jisma’ diversi sorsi, u “ma jieqafx fl-ewwel ħanut li jsib” – kif jgħallmu l-esperti tas-sengħa – jiżgura kredibilità u serjetà fl-informazzjoni li jittrażmetti. Meta nisimgħu aktar vuċijiet, meta nisimgħu lil xulxin, anke fil-Knisja, bejn l-aħwa, dan jippermettielna nħaddmu l-arti tad-dixxerniment, li dejjem tidher bħala l-ħila li wieħed jorjenta ruħu f’sinfonija ta’ vuċijiet.

Imma għaliex jeħtieġ li nagħmlu sforz biex nisimgħu? Diplomatiku kbir tas-Santa Sede, il-Kardinal Agostino Casaroli, kien iħobb jitkellem dwar il-“martirju tal-paċenzja”, li huwa meħtieġ biex wieħed jisma’ u jkun mismugħ f’negozjati mal-aktar partijiet diffiċli, sabiex jinkiseb l-akbar ġid possibbli f’kundizzjonijiet fejn il-libertà hija mhedda. Imma anke f’sitwazzjonijiet inqas diffiċli, is-smigħ dejjem jirrikjedi l-virtù tal-paċenzja, flimkien mal-ħila li nkunu kapaċi nissorprendu ruħna bil-verità, anki jekk din tkun biss farka ta’ verità, li tkun ġejja mill-persuna li nkunu qed nisimgħu. L-istagħġib biss iwassalna għall-għarfien. Tiġini f’moħħi l-kurżità bla tarf tat-tifel li jħares lejn id-dinja ta’ madwaru b’għajnejh miftuħin beraħ. Meta aħna nisimgħu b’din l-attitudni – l-istagħġib tat-tifel fl-għarfien tal-bniedem adult – dan huwa arrikkiment, għax dejjem ikun xi ħaġa, żgħira kemm hi żgħira, li nista’ nitgħallem mill-persuna l-oħra li tista’ tagħmilli l-ġid f’ħajti.

Il-ħila li wieħed jisma’ lis-soċjetà hija iktar prezzjuża f’dan iż-żmien meta ilna milqutin mill-pandemija għal żmien twil.  In-nuqqas ta’ fiduċja li kien ilu jinbena lejn “l-informazzjoni uffiċjali” ikkawżat ukoll “infodemija”, fejn id-dinja tal-informazzjoni qed titħabat dejjem iżjed biex tkun kredibbli u trasparenti. Irridu nisimgħu u nisimgħu fil-fond, speċjalment l-inkwiet soċjali li miegħu żdied ukoll it-tnaqqis jew il-waqfien ta’ bosta attivitajiet ekonomiċi.

Ir-realtà tal-migrazzjoni sfurzata hija wkoll problema kumplessa li ħadd m’għandu xi riċetta lesta biex isolviha. Nirrepeti li, biex negħlbu l-preġudizzji dwar il-migranti u nrattbu l-ebusija ta’ qalbna, għandna nippruvaw nisimgħu l-istejjer tagħhom. Agħti lil kull wieħed minnhom isem u storja. Ħafna ġurnalisti tajbin diġà jagħmlu dan. U ħafna oħrajn jixtiequ, kieku biss jistgħu. Ejja ninkuraġġuhom! Ejja nisimgħu dawn l-istejjer! Imbagħad kulħadd ikun liberu li jappoġġja dik il-politika tal-migrazzjoni li jqis li tkun l-aktar xierqa għal pajjiżu. Imma quddiem għajnejna, fi kwalunkwe każ, għandna mhux numri, mhux nies perikolużi li qed jinvaduna, imma wċuħ u stejjer ta’ bnedmin konkreti, għajnejn, aspettattivi, tbatijiet ta’ rġiel u nisa li jeħtieġ nisimgħuhom.

Nisimgħu lil xulxin fil-Knisja

Anke fil-Knisja għandna bżonn kbir li nisimgħu, u li nisimgħu lil xulxin. Huwa l-aktar rigal prezzjuż u ġenerattiv li nistgħu nagħtu lil xulxin. Aħna l-insara ninsew li s-servizz tas-smigħ ġie fdat lilna minn Dak li jaf jisma’ b’mod perfett, u li sejħilna biex nieħdu sehem f’din il-ħidma tiegħu. “Biex inkunu nistgħu nitkellmu l-kliem ta’ Alla, jeħtieġ li l-ewwelnett nisimgħu bil-widnejn ta’ Alla”.[4] Għalhekk it-teologu Protestant Dietrich Bonhoeffer ifakkarna li l-ewwel servizz li aħna rridu nagħtu lill-oħrajn li aħna f’komunjoni magħhom, huwa li nisimgħuhom. Min ma jafx jisma’ lil ħuh jew lil oħtu, ma jdumx wisq li ma jkunx jista’ jisma’ lanqas lil Alla.[5]

Fl-ħidma pastorali, l-aktar ħidma importanti hija “l-appostolat tas-smigħ”. Isma’, qabel ma titkellem, kif iħeġġeġ l-appostlu Ġakbu: “Araw li kulħadd ikun ħafif biex jisma’, u tqil biex jitkellem” (1:19). Li tagħti mill-ħin tiegħek biex tisma’ lill-oħrajn huwa l-ewwel att ta’ karità.

Għadu kemm beda proċess sinodali. Ejjew nitolbu biex din tkun opportunità kbira biex ikun hemm smigħ reċiproku. Il-komunjoni, fil-fatt, mhix riżultat ta’ strateġiji u programmi, iżda hija mibnija fuq smigħ reċiproku ta’ bejn l-aħwa. Bħal f’kor, l-unità mhijiex uniformità, monotonija, iżda l-pluralità u l-varjetà ta’ vuċijiet, polifonija. Fl-istess ħin, kull vuċi tal-kor tkanta waqt li tisma’ l-vuċijiet l-oħra u b’relazzjoni mal-armonija ta’ kollox. Din l-armonija hija maħsuba mill-kompożitur, iżda biex issir realtà, din tiddependi fuq is-sinfonija ta’ kull vuċi.

Aħna konxji li qed nieħdu sehem f’komunjoni li hija ikbar minna, u li aħna parti minnha. B’hekk nistgħu niskopru mill-ġdid Knisja sinfonika, li fiha kulħadd jista’ jkanta b’leħnu, jilqa’ l-vuċijiet tal-oħrajn bħala don, biex juri l-armonija ta’ dak kollu li l-Ispirtu s-Santu jkun qed jikkomponi.

Ruma, San Ġwann fil-Lateran, 24 ta’ Jannar 2022, Tifkira ta’ San  Franġisk de Sales.

Franġisku

Miġjub mit-Taljan għall-Maltin minn Fr Roy Galdes

________________________________

[1] “M’għandux ikollkom qalbkom f’widnejkom, imma widnejkom ġo qalbkom” ( Sermo 380, 1: Nuova Biblioteca Agostiniana 34, 568).

[2] Ittra lill-Ordni kollu : Sorsi Franġiskani, 216.

[3] “The life of dialogue”, in J.D. Roslansky, ed., Communication. A discussion at the Nobel Conference, North-Holland Publishing Company, Amsterdam, 1969, pp. 89-198

[4] D. Bonhoeffer, La vita comune, Queriniana, Brescia 2017, 76.

[5] Cf ibid. , 75.

Sors: Laikos