Il-Papa Franġisku u l-Papa Benedittu XVI se jkunu l-qofol ta’ tnedija ta’ żewġ kotba li se ssir għada l-Erbgħa 20 ta’ Novembru fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, fis-6:30pm.
Dakinhar se jiġi ppreżentat Il-Jiem Tiegħi ma’ Benedittu XVI, ktieb f’forma ta’ djarju, tal-Arċisqof Alfred Xuereb, Nunzju Appostoliku fil-Marokk, u eks-tieni Segretarju tal-Papa Benedittu XVI. Il-ktieb bil-Malti jiddeskrivi l-karattru profond u l-finezza spiritwali tal-mibki papa.
Il-ktieb l-ieħor hu ta’ Mons. Prof. Hector Scerri, teologu, membru akkademiku tal-Università ta’ Malta u rappreżentant tas-Santa Sede dwar id-djalogu teoloġiku Kattoliku-Ortodoss. Il-ktieb tiegħu, bit-Taljan, Chiesa, Vieni Fuori! ippubblikat minn Marcianum Press f’Venezja, jenfasizza l-komunità li qed terġa’ tingħaqad u li hi msejħa biex tkun “knisja-sptar fuq il-kamp tal-battalja”.
L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi u Dr André P. Debattista se jitkellmu dwar il-kotba l-ġodda. Il-pubbliku se jkollu wkoll l-opportunità li jagħmel mistoqsijiet liż-żewġ awturi. Se tindaqq mużika ta’ Andrew Lloyd Weber u Wolfgang Amadeus Mozart.
Kopji taż-żewġ kotba se jkunu disponibbli fit-tnedija tal-ktieb. Id-dħul huwa b’xejn.
Wara t-tnedija l-ktieb ta’ Mons. Xuereb jinbiegħ minn MidSea Books u l-ħwienet tal-kotba ewlenin, filwaqt li ta’ Mons. Scerri jinbiegħ minn Emmaus f’Birkirkara jew minn Marcanium Press.