Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Is-silta tal-Evanġelju tal-lum (cfr Mt 16,21-27) marbuta ma’ dik tal-Ħadd li għadda (cfr Mt 16,13-20). Wara li Pietru, f’isem ukoll id-dixxipli l-oħra, kien stqarr il-fidi f’Ġesù bħala Messija u Iben Alla, Ġesù nnifsu beda jkellimhom dwar il-passjoni tiegħu. Fit-triq lejn Ġerusalemm, jispjega ċar u tond lil ħbiebu dak li kien hemm jistennih fl-aħħar, fil-belt imqaddsa: iħabbar il-misteru tal-mewt tiegħu u tal-qawmien, tal-umiljazzjoni u tal-glorja. Jgħid li “kellu jsofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum” (Mt 16,21). Imma kliemu ma nftiehemx għax il-fidi tad-dixxipli mhix matura, hija wisq imwaħħda mal-mentalità ta’ did-dinja (cfr (Ru 12,2). Huma qed jaħsbu dwar xi rebħa terrena u għalhekk ma jifhmux il-lingwaġġ tas-salib.
Quddiem il-perspettiva li Ġesù jista’ jfalli u jmut fuq salib, Pietru nnifsu jirribella u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!” (v. 22). Jemmen f’Ġesù – hekk hu magħmul Pietru -, għandu l-fidi, jemmen f’Ġesù, jemmen; irid jimxi warajh, imma ma jridx jaċċetta li l-glorja tiegħu għandha tgħaddi mill-passjoni. Għal Pietru u d-dixxipli l-oħra – imma għalina wkoll! -, is-salib hu ħaġa skomda, is-salib huwa “skandlu” filwaqt li għal Ġesù l-iskandlu hu li jaħrab mis-salib, li jfisser li ma jridx joqgħod għar-rieda tal-Missier, għall-missjoni li Huwa afdalu għas-salvazzjoni tagħna. Għaldaqstant Ġesù jwieġeb lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!” (v. 23). Għaxar minuti qabel Ġesù faħħar lil Pietru, wiegħdu li se jkun is-sies tal-Knisja tiegħu, il-pedament; għaxar minuti wara jsejjaħlu “Satana”. Kif nistgħu nifhmuh dan? Jiġri lilna lkoll! Fil-ħin tad-devozzjonijiet, ta’ ħerqa, ta’ rieda tajba, ta’ qrubija lejn il-proxxmu, inħarsu lejn Ġesù u nibqgħu mexjin ‘il quddiem; fil-ħinijiet li fihom jilħaqna s-salib, naħarbu. Ix-xitan, Satana – kif jgħid Ġesù lil Pietru – jittantana. Li nitbieghdu mis-salib, mis-salib ta’ Ġesù, jiġi propju mill-ispirtu ħażin, jiġi dritt mix-xitan.
Ġesù mbagħad idur lejhom kollha u jżid: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja”. (v. 24). B’hekk hu qed juri liema hi l-veru triq tad-dixxiplu, billi juri żewġ atteġġjamenti. L-ewwel hu li niċħdu lilna nfusna, li ma jfissirx bidla superfiċjali, imma konverżjoni, mentalità u valuri li jinqalbu ta’ taħt fuq. L-atteġġajment l-ieħor hu dak li nġorru s-salib tagħna. Dan ma jfissirx li nissaportu bil-paċenzja t-tribulazzjonijiet ta’ kuljum imma li bil-fidi u r-responsabbiltà naffrontaw dik il-għejja u dik is-sofferenza li ġġib magħna l-ġlieda kontra l-ħażen. Il-Bibbja tgħidilna li l-ħajja ta’ min jemmen hi militanza: taqbid kontra l-ispirtu ħażin, taqbid kontra l-Ħażin.
B’hekk l-impenn li “nġorru salibna” jsir parteċipazzjoni flimkien ma’ Kristu fis-salvazzjoni tad-dinja. Aħna u naħsbu f’dan, naraw illi l-kurċifiss li hemm imdendel mal-ħajt tad-dar jew dak is-salib żgħir imdendel ma’ għonqna ikun sinjal tax-xewqa tagħna li ningħaqdu ma’ Kristu biex inservu lil ħutna bl-imħabba, speċjalment lill-iżgħar u l-aktar dgħajfa. Is-salib hu sinjal qaddis tal-Imħabba t’Alla u hu sinjal tas-Sagrifiċċju ta’ Ġesù, u m’għandux jitqies bħala oġġett ta’ superstizzjoni jew xi ġiżirana biex niżżejnu. Kull darba li nwaħħlu ħarsitna fuq ix-xbieha ta’ Kristu kurċifiss, niftakru li Hu, bħala qaddej veru tal-Mulej, wassal għal tmiemha l-missjoni tiegħu billi ta ħajtu, xerred demmu għall-maħfra tad-dnubiet. U m’għandniex ninġarru lejn in-naħa l-oħra, lejn it-tentazzjoni tal-Malinn. Bħala konsegwenza, jekk irridu nkunu dixxipli tiegħu, għandna sejħa li nimitawh, u nagħtu ħajjitna bla riservi għall-imħabba t’Alla u tal-proxxmu.
Il-Verġni Marija, magħquda ma’ Binha fuq il-klavarju, tgħinna biex ma nirtirawx quddiem il-provi u t-tbatija li titlob minna x-xhieda tl-Evanġelju.
Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber