Meta kien qed jindirizza lil dawk miġbura fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa Benedittu XVI irrifletta fuq is-silta tal-vanġelu ta’ San Luqa u spjega li “Ġesu qed ifakkarna li, li tkun profeta tal-verita mhuwiex faċli, anki fost dawk qrib tagħna”.
“Ġesu jfakkarna li anki fost dawk li huma l-eqreb tagħna, li tkun profeta mhux faċli. Ejja nitolbu lill-Mulej jagħtina lkoll spirtu ta’ kuraġġ u għerf, sabiex bi kliemna u għemilna inxandru l-verita salvivika tal-imħabba t’Alla b’ċerta saħħa, b’umilta u koerenza”, kompla.
Benedittu XVI pinġa lil Ġesu bħala xi ħadd li f’Nażaret kulħadd kien jaf, pero xi ħadd li jerġa lura fis-sinagoga jitkellem dwaru nnifsu bħala l-Messija. Kompla li Ġesu kellem lin-nies fis-sinagoga bi kliem li nħass provokattiv, pero fisser li Kristu kien jagħti xiehda tal-verita. Fi kliemu, “il-vera profeta ma jobdi lil ħadd ħlief Alla u jpoġġi lilu nnifsu għas-servizz tal-verita. Huwa minnu li Ġesu hu l-profeta tal-imħabba, anki jekk l-imħabba għandha l-verita tagħha”.
Il-Kap tal-Kattoliċi spjega li l-verita u l-imħabba huma żewġ ismijiet għall-istess realta. Li temmen f’Alla, qal, “ifisser li ċċedi l-preġudizzji u taċċetta l-wiċċ konkret ta’ Ġesu ta’ Nażaret”.