Il-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni dalgħodu ġie dikjarat beatu waqt ċerimonja f’quddiesa solenni immexxija mis-suċċessur tiegħu, il-Papa Benedettu Sittax fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan. Din kienet l-ewwel darba fl-aħħar għaxar sekli li l-Papa tal-Knisja Kattolika iddikjara beatu lill-predeċessur tiegħu.
Biex jassistu għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm madwar miljun pellegrin miġbura fi Pjazza San Pietru flimkien ma’ 90 delegazzjoni uffiċjali minn kull rokna tad-dinja, fosthom membri ta’ ħames familji Rjali Ewropej u 16 –il Kap ta’ stat.
Preżenti fil-pjazza kien hemm ukoll is-soru Franċiża Marie Simon-Pierre li l-kura tagħha mill-marda tal-Parkinsons kienet tifforma parti mill-kawża li wasslet għall-beatifikazzjoni tal-Papa Pollakk.
Ezatt malli l-Papa Benedettu Sittax ipproklama beatu lill-Karol Woytyla, inkixef ritratt tal-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni (ara ritratt), li ġie segwit minn applaws kbir mill-folla preżenti fi Pjazza San Pietru.
F’dan il-mument indaqq l-innu tal-Beatu Ġwanni Pawlu t-Tieni bit-test li huwa simbolu mal-Pontifikat tiegħu bil-kliem “La tibżgħux – Iftħu beraħ il-bibien għal Kristu”.
Intant matul l-omelija tiegħu, il-Papa Benedettu Sittax fakkar fis-sofferenza u l-fidi qawwija u ġeneruża li dejjem wera Karol Woytla. Semma kif sitt snin ilu mal-mewt tiegħu diġa’ kien hemm sejħiet għall-beatifikazzjoni tiegħu u qal li din waslet minħabba l-fidi qawwija u ġeneruża li dejjem ħaddan.
Semma wkoll kif bħala l-Jum tal-Beatifikazzjoni tiegħu, intgħażel l-ewwel Ħadd ta wara l-Għid il-Kbir li l-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni kien beda jiddedika għall-Ħniena Divina.
Irrefera wkoll għall-Verġni Marija fejn qal li Karol Woytla ħa sehem fil-Konċilju Vatikan it-Tieni u irrefera għall-viżjoni tiegħu li kien jgħid li huwa kollu ta Marija.
Il-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni kien elett Papa fl-1978 meta sar l-ewwel Papa mhux-Taljan f’aktar minn erba’ sekli.