-
-
Waqt l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, il-Papa Franġisku kompla bil-katekeżi fuq it-tama tan-Nisrani u l-importanza li fil-Madonna naraw it-tama.
Lejlet il-vjaġġ appostoliku ġo Fatima, il-Papa ddeskriva lil Marija bħala l-Omm tat-Tama, u żied jgħid li hi mara ta’ kuraġġ, perseveranza u ubbidjenza.
Lill-eluf ta’ pellegrini u turisti miġbura fi Pjazza San Pietru, il-Papa qal, “L-esperjenza materna tal-Madonna hi bħal dik ta’ ħafna ommijiet oħra madwar id-dinja … ommijiet li kellhom iħabbtu wiċċhom mat-tbatija tat-tfal tagħhom.”
Kompla jgħid li b’kuraġġ kbir aċċettat il-vokazzjoni u l-ħajja ġdida li ġiet afdata. Il-Qdusija Tiegħu rrimarka li minkejja l-ħafna tlajja li kellha tul ħajjitha, il-Madonna dejjem baqgħet fidila lejn il-Mulej.
Marija, qal il-Papa Franġisku “baqgħet ma’ binha sal-aħħar. Li baqgħet bilwieqfa taħt is-salib tibki l-mewt ta’ binbha, hi xena li inspirat lil ħafna artisti li pinġewha bħala l-mudell tal-perseveranza fit-tama tal-wegħdiet tal-Mulej.”
Il-Papa saħaq li ħadd minnha mhu orfni għaliex “fis-sema għandna Omm li hi wkoll Omm il-Mulej.”
Wara l-messaġġ tiegħu, il-Papa Franġisku sellem lill-pellegrini Portugiżi li talbu għat-talb minħbba ż-żjara ġo Fatima. Kellu wkoll kliem ta’ merħba għal delegazzjoni ta’ saċerdoti Russi tal-Patrijarka ta’ Moska, li bħalissa huma l-mistiedna tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda Nisranija.