Fl-udjenza ġenerali ta’ dil-ġimgħa, il-Papa Benedittu XVI fakkar ftuħ is-sena liturġika bi Żmien l-Avvent. Kompla li ‘Avvent’ tfisser ‘preżenza’ u ‘dak li ġej’, biż-żewġ tifsiriet jirreferu għall-ewwel miġja ta’ Kristu fil-misteru tal-inkarnazzjoni, u fit-tieni miġja tiegħu fil-glorja. Dawn iż-żewġ ġrajjiet ewlenin tal-istorja tas-salvazzjoni, il-Papa qal li jolqtuna fil-laħam il-ħaj għax permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu, Ġesu ttrasforma l-umanita u l-kosmu bħala l-aħħar għan tal-ħolqien. Żied li qabel dan tal-aħħar, “il-vanġelu hu meħtieġ li jkun proklamat lill-pajjiżi kollha. Il-miġja permanenti ta’ Ġesu fil-proklamazzjoni tal-vanġelu, teħtieġ il-kollaborazzjoni tagħna lkoll, bil-Knisja f’komunjoni sħiħa mal-Mulej tikkolabora wkoll fil-miġja tiegħu, bit-tieni miġja glorjuża tiegħu mibdija diġa.”
“Il-qari tal-liturġija tal-Ħadd”, qal il-Papa, “jurina x’neħtieġu nagħmlu biex nitħejjew għall-miġja tal-Mulej. Il-vanġelu jfakkarna li għandna ngħixu fis-sempliċita u fil-moderazzjoni u li għandna dejjem nitolbu. San Pawl jħeġġiġna ma naqtgħu qatt nikbru fl-imħabba lejn xulxin, waqt li l-profeta Ġeremija jfakkarna li l-Knisja, li hi l-komunita ta’ dawk li jemmnu, hi minnha nnifsha sinjal tal-imħabba t’Alla, tal-ġustizzja tiegħu li hi preżenti diġa fl-istorja pero mhux realizzata b’mod sħiħ u allura wieħed dejjem għandu jistenniha bil-ħerqa u l-paċenzja u jitlobha b’kuraġġ”.