• Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
    Illum, festa tas-Santissma Trinità, l-Evanġelju ta’ San Ġwann jippreżentalna silta mid-diskors twil ta’ tislima tal-aħħar li Ġesù għamel ftit qabel il-passjoni tiegħu. F’dad-diskors Hu jispjega lid-dixxipli il-veritajiet l-aktar profondi dwaru nnifsu; b’hekk jagħti bixra lir-relazzjoni bejn Ġesù, il-Missier u l-Ispirtu s-Santu. Ġesù jaf li jinsab qrib il-milja tal-pjan tal-Missier, li jitwettaq bil-mewt tiegħu u l-qawmien.  Għaldaqstant irid jiżgura lil tiegħu li mhux se jħallihom waħedhom, għax l-Ispirtu s-Santu se jkompli l-missjoni tiegħu.  Se jkun l-Ispirtu li se jkompli l-missjoni ta’ Ġesù, jiġfieri li jmexxi l-Knisja ‘l quddiem.
    Ġesù juri x’inhi dil-missjoni. Qabel kollox l-Ispirtu se jgħinna nifhmu ħafna affarijiet li kien għad fadallu jgħid Ġesù (cfr Ġwanni 16,12). Mhumiex xi duttrina ġdida jew speċjali, imma fehim aktar sħiħ ta’ dak kollu li l-Iben sema’ mingħand il-Missier u li Hu għadda lid-dixxipli (cfr v.15). L-Ispirtu jmexxina fis-sitwazzjonijeit eżistenzjali ġodda bil-ħarsa mitfugħa fuq Ġesù, u, fl-istess waqt, miftuħa għall-avvenimenti tal-futur. Hu jgħinna nimxu b’pass sod tul il-mixja tal-istorja b’għeruqna fl-Evanġelju u b’fedeltà dinamika lejn it-tradizzjonijiet u l-użanzi tagħna.
    Imma l-misteru tat-Trinità, jkellimna wkoll dwarna nfusna, dwar ir-relazzjoni tagħna mal-Missier, mal-Iben u mal-Ispirtu s-Santu. Infatti, permezz tal-Magħmudija l-Ispirtu s-Santu waħħadna mal-qalb u mal-istess ħajja ta’ Alla li hu komunjoni ta’ mħabba. Alla hu ‘familja’ ta’ tliet Persuni li jħobbu tant lil xulxin li jiffurmaw ħaġa waħda. Din ‘il-familja Divina’ mhix magħluqa fiha nfisha, imma hi miftuħa, turi lilha nfisha fil-ħolqien u fl-istorja u daħlet fid-dinja tal-bnedmin biex issejjaħ lil kulħadd ħalli jkun parti minnha. Ix-xefaq Trinitarju ta’ komunjoni jħaddan lilna lkoll u jistimulana biex ngħixu fl-imħabba u naqsmu ma’ ħutna, għax ċerti li fejn hemm l-imħabba hemm jinsab Alla.
    Il-fatt li aħna maħluqin xbieha ta’ Alla-komunjoni hu sejħa biex nagħrfu lilna nfusna bħala ħlejjaq f’relazzjoni ma’ xulxin u biex ngħixu r-relazzjonijiet inter-personali bis-solodarjetà u l-imħabba lejn xulxin. Dawn ir-relazzjonijiet jinsabu jitliegħbu fil-qafas tal-komunitajiet ekkleżjali tagħna ħalli fihom tidher dejjem aktar evidenti x-xbieha tal-Knisja ikona tat-Trinità. Imma jinsabu jitliegħbu wkoll f’kull relazzjoni soċjali oħra, ibda mill-familja, u kompli fil-ħbiberiji u l-ambjent tax-xogħol: dawn huma okkażjonijiet konkreti offruti lilna biex nibnu relazzjonijiet dejjem aktar għonja umanament, mibnija fuq ir-rispett reċiproku u l-imħabba diżinteressata.
    Il-festa tat-Trinità Qaddisa tistedinna nimpenjaw ruħna f’dak li jiġri fil-ħajja ta’ kuljum biex inkunu l-ħmira tal-komunjoni, tal-faraġ u tal-ħniena. F’dil-missjoni aħna msaħħin bid-don tal-qawwa li jtina l-Ispirtu s-Santu: din tikkura l-ġisem tal-umanità miġrugħa mill-inġustizzja, mill-abbuż tal-poter, mill-mibgħeda u mir-rgħeba. Fl-umiltà tagħha l-Verġni Marija laqgħet ir-rieda tal-Missier u nisslet l-Iben bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Jalla tgħinna hi, mera tat-Trinità, biex insaħħu l-fidi tagħna fil-misteru Trinitarju u biex ninkarnawh fl-għażliet u l-atteġġjamenti ta’ mħabba u għaqda.
     
    Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber