Il-Papa żar il-kwartieri ġenerali tal-gazzetta ‘Osservatore Romano’ f’għeluq il-150 anniversarju mit-twaqqif tagħha. L-ewwel edizzjoni tagħha ħarġet fl-1 ta’ Lulju 1861.
Il-Papa sellem lid-Direttur, lill-Viċi-Direttur u lill-ġurnalisti u awguralhom f’din iċ-ċelebrazzjoni.
“Bil-ħidma tagħkom kuljum, ħidma li mhux bilfors tidher u lanqas mingħajr taħbit, intom toħolqu dil-forma unika ta’ komunikazzjoni li hi għas-servizz tal-Ministeru tas-Suċċessur ta’ Pietru, b’kontribut speċifiku għat-tixrid tal-vanġelu u x-xhieda tal-verita. Bit-tixrid tat-tagħlim tal-Papa, u billi tipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu u tal-Kurja ta’ Ruma, u billi tesponi l-ħajja kattolika fid-dinja, l-‘Osservatore Romano’ tgħin lil kull persuna sabiex tikkunsidra kwistjonijiet kontemporanji fid-dawl tal-Kelma ta’ Ġesu u l-Maġisteru tal-Knisja. Dan sakemm tibqa’ b’għajnejha miftuħa għas-sinjali taż-żminijiet. F’dil-perspettiva, il-gazzetta tas-Santa Sede hi riżorsa vitali, li teħtieġ tiħi mifhuma u apprezzata aħjar”, kompla l-Papa.
“Ħbieb, komplu aħdmu bil-ferħa f’din il-gazzetta, b’apprezzament għall-istorja twila tagħha. Il-memorja tal-passat hi ta’ valur biss jekk issir okkażjoni li ġġib magħha nutriment mill-għeruq u li tħares lejn il-ġejjieni b’tama”, kompla.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika temm jinkoraġixxi lill-ħaddiema tal-gazzetta sabiex “ma tinsewx li, minkejja li tirrikjedu t-taħriġ tekniku u professjonali biex twettqu l-missjoni fdata lilkom, li hu l-iktar importanti fuq kollox hu li tikkultivaw l-ispirtu ta’ mħabba, servizz u fedelta skont it-tagħlim ta’ Kristu u l-Knisja tiegħu”.