Il-Papa Benedittu XVI iltaqa’ ma’ Diretturi tal-Ħidmiet Missjunarji Pontifiċji, li jħarsu l-koperazzjoni missjunarja fost il-Knejjes tad-dinja u li bħalissa qed jiċċelebraw l-assemblea annwali tal-Kunsill li jmexxihom.
Il-Papa, fl-indirizz tiegħu, irriserva kliem ta’ ġieħ għal Fr Massimo Cenci, li kien jokkupa l-kariga ta’ sotto-segretarju tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-popli, li miet wara li sofra minn attack f’qalbu fl-aħħar jiem. Qal li “il-Mulej żgur li jippremjah għall-ħidma kbira li wettaq kemm fuq il-missjoni kif ukoll f’servizzi oħra lis-Santa Sede”.
Il-Kap tal-Kattoliċi ta l-appoġġ tiegħu u inkoraġixxa l-proġett tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli flimkien mal-Ħidmiet Missjunarji Pontifiċji, li qed jimbuttaw ‘il quddiem kampanja dinjija ta’ talb permezz tar-rużarju f’din is-sena ddedikata lill-fidi. Il-Papa inkoraġixxa wkoll iktar ħidma quddiem il-persekuzzjoni. Appella lil kull individwu sabiex ikun messaġġier tal-Vanġelu f’dinja li kull ma jmur tiffaċċa bidliet ekonomiċi, politiċi u kulturali. “Minkejja l-problemi kollha u r-realta tal-persekuzzjoni, il-Knisja ma taqtax qalbha u tibqa’ tafda fil-mandat lit a l-Imgħallem tagħha, Ġesu Kristu. Hekk dejjem kienet l-esperjenza tal-Knisja fl-istorja tagħha, tal-martri, cioe x-xhieda li dejjem kienu numerużi fl-għadd tagħhom u indispensabbli għat-triq tal-Vanġelu”, qal il-Papa.
Il-Papa eżorta lill-membri sabiex jippersistu bl-impenn tagħhom li jżommu ħajja l-vokazzjoni missjunarja tad-dixxipli ta’ Kristu.
“Ħidmietkom fl-animazzjoni u l-formazzjoni missjunarja hi parti mill-kura pastorali tar-ruħ għax il-‘missio ad gentes’ tikkostitwixxi l-mudell tal-azzjoni appostolika sħiħa tal-Knisja.