Il-Papa Benedittu XVI qal li l-uffiċjali pubbliċi għandhom ikunu ta’ eżempju morali qawwi. Hu mifhum li dan hu l-ewwel kumment uffiċjali tal-Papa wara li fl-Italja xterdet l-aħbar marbuta mal-allegat skandlu sesswali li jinvolvi l-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi.
Minkejja li isem Berlusconi ma ssemmiex mill-Kap tal-Knisja Kattolika, dawn il-kummenti kienu diġa espressi mid-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone li wera tħassib għall-kwistjoni.
Quddiem udjenza ta’ uffiċjali għolja tal-pulizija f’Ruma, il-Papa qal li s-soċjeta u l-istituzzjonijiet pubbliċi għandhom isibu mill-ġdid l-għeruq morali u spiritwali tagħhom. Eżortahom biex ikunu eżemplari u biex b’għemilhom ikunu xhieda tal-valuri mħaddna fi twemminhom.
Intant, il-Prim Ministru Silvio Berlusconi ċaħad l-akkużi li qal li huma motivati politikament.