Il-Papa Benedittu XVI jappella għal tmiem il-kunflitti madwar id-dinja. Fil-messaġġ tiegħu lill-pellegrini u dawk kollha miġbura fi Pjazza San Pietru l-Ħadd għar-reċita tat-talba tal-Angelus, il-Kap tal-Kattoliċi talab b’mod speċjali għall-waqfien tal-qtil ta’ innoċenti u għall-waqfien tal-kunflitti li għaddejjin bħalissa f’diversi postijiet fid-dinja. Kompla jgħid li “hemm bżonn tieqaf il-vjolenza kollha, ejja nsibu l-kuraġġ niddjalogaw u ninnegozjaw”.
L-appell ta’ paċi wasal mill-Papa fil-kuntest ta’ riflessjoni dwar il-ħtieġa dejjem tikber biex tkun stabbilita l-għaqda tal-insara, li Kristu stess jixtieq għall-Knisja tiegħu. Il-Ħadd inzerta l-jum f’nofs il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda nisranija.
Din tal-aħħar kienet ukoll tema li l-Papa indirizza bl-Ingliż fir-rimarki tal-aħħar meta ħeġġeġ, “ejja lkoll ningħaqdu fit-talb ma’ ħutna mill-knejjes u l-komunitajiet kollha, u niddedikaw lilna nfusna dejjem iktar għal unita viżibbli f’Ġesu Kristu”.
Il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda nisranija bdiet fl-1908 minn Fr Paul Wattson. Tiftaħ ta’ kull sena f’jum il-festa tradizzjonali tas-Sede ta’ San Pietru, nhar it-18 ta’ Jannar, u tagħlaq fil-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, nhar il-25 ta’ Jannar.