Il-Papa Benedittu XVI appella lill-Kroazja sabiex tonora u tipproteġi l-wirt nisrani tagħha issa li qed toqrob lejn is-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea. Il-Papa qal li l-Kroati jistgħu jaċċertaw irwieħhom mill-appoġġ tal-Knisja fl-isforzi ta’ pajjiżhom għal tiġdid politiku, ekonomiku u reliġjuż, 20 sena wara d-dikjarazzjoni tal-Indipendenza mill-ex Yugoslavia. Il-Kap tal-Knisja Kattolika għadda l-kummenti tiegħu fl-okkażjoni tal-preżentazzjoni tal-ittri tal-kredenzjali ta’ Filip Vucak bħala l-Ambaxxatur il-ġdid tal-Kroazja għall-Vatikan.
B’sens ta’ inkoraġġament għall-Kroazja fit-tħejjija tagħha għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, Benedittu XVI qal lil Vucak li l-pajjiż “m’għandux jibża’ jitlob rispett lejn l-istorja u l-identita reliġjuża u kulturali tiegħu”. Il-Gvern Kroat hu mistenni li jiffirma t-Trattat tas-Sħubija fl-UE dis-sena. Iċ-ċittadini tal-pajjiż se jkunu qed jivvutaw dwar is-sħubija fl-UE f’referendum nazzjonali.
Il-Papa mhux l-ewwel darba li kritika l-falliment tal-mexxejja politiċi fl-inklużjoni ta’ rikonoxximent formali tal-għeruq insara tal-kontinent fil-Kostituzzjoni li fuqha mibnija l-Unjoni Ewropea. Il-Papa qal li ġiet moda “li wieħed jiddubita ta’ spiss ir-relata tal-għeruq insara tal-Ewropa”. Kompla jgħid li “li wieħed isostni li l-wirt Ewropew mhux ibbażat fuq il-Kristjaneżmu hu bħal ma jingħad li wieħed jista’ jgħix mingħajr arja u ikel”.
Il-Papa faħħar il-mod responsabbli li qal li bih l-awtoritajiet tal-pajjiż ippromwovew il-kultura nisranija tal-pajjiż.