Il-Kattoliċi li se jieħdu sehem fl-attivitajiet relatati mas-Sena tal-Fidi, bejn il-11 t’Ottubru 2012 u l-24 ta’ Novembru 2013, se jkun jista’ jirċievi indulġenza speċjali, qal il-Vatikan. Il-Papa awtorizza l-għoti ta’ indulġenza plenarja jew sħiħa sabiex tingħata l-importanza mistħoqqa lis-Sena tal-Fidi, anki bil-ħsieb li wieħed jinkoraġixxi “qari, jew aħjar, meditazzjoni dwar id-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II u l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika”.
Id-digriet tal-Vatikan qal li l-indulġenza plenarja se tingħata lill-pellegrini li jżuru santwarji qaddisa, lill-kattoliċi li jieħdu sehem f’attivitajiet marbuta mas-Sena tal-Fidi, u lil dawk li jistgħu ikunu morda jew mhux f’kundizzjoni li jkunu fiżikament preżenti fl-attivitajiet organizzati.