-
-
Nhar il-Ġimgħa, il-Papa Franġisku kompla għaddej bid-drawwa li beda fis-Sena tal-Ħniena u b’sorpriża, mar ibierek id-djar ta’ barra Ruma, bħalma jagħmlu s-saċerdoti kull sena fi żmien l-Għid.
Skont il-Vatikan, il-Papa ried iżomm iż-żjarat ta’ “il-Ġimgħa tal-Ħniena” u dan sabiex ikun qrib tal-familji li jgħixu fil-periferija tal-belt u ried li jżur id-djar tagħhom.
Nhar l-Erbgħa, Dun Plinio Poncina, li jmexxi l-parroċċa ta’ Stella Maris, waħda mill-parroċċi ta’ Ostia, ħalla nota lir-residenti li se jkun qed iżurhom bħalma jagħmel kull sena.
Il-barka ddum ftit minuti, u s-soltu tinkludi li s-saċerdot jidħol fid-dar u jroxx l-ilma mbierek f’kull kamra u fuq kull membru tal-familja. Fl-aħħar, jgħid talba mal-familja u jagħtihom santa sabiex titpoġġa fid-dar.
Għalhekk, “kienet sorpriża kbira meta, malli daqqet il-qanpiena, minflok lis-saċerdot tal-parroċċa, il-parruċċani raw lil Papa Franġisku”, kompliet tgħid stqarrija maħruġa mill-Vatikan.
B’sempliċità kbira, il-Papa ltaqa’ mal-familji u bierek l-appartamenti li jinsabu fil-kumpless Piazza Francesco Conteduca. Lil kull familja, bħala rigal, il-Papa ta kuruna tar-rużarju.
Ostia, tinsab 20 mil fil-Lbiċ ta’ Ruma, għandha popolazzjoni ta’ madwar 100,000 ruħ, u hemm komunità li tgħix il-fidi billi l-parruċċani jaqsmu d-diffikultajiet li jgħixu fil-periferija.
Din hi t-tieni “Ġimgħa tal-Ħniena” li l-Papa Franġisku għamel minn meta f’Novembru li għadda ntemm il-Ġublew tal-Ħniena.