Il-Papa Benedittu XVI bierek u daqq il-qanpiena uffiċjali tal-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali, qanpiena li ilha għall-aħħar sena iddur madwar l-Irlanda kollha bi tħejjija għall-Kungress dinji f’Ġunju.
Delegazzjoni Irlandiża, immexxija mill-Arċisqof Diarmuid Martin ta’ Dublin, President tal-Kungress 2012, ippreżentat lill-Papa bil-qanpiena żgħira fi ftuħ l-udjenza ġenerali ta’ din il-ġimgħa. Qabel, il-Papa iddawwar ma’ Pjazza San Pietru fejn iltaqa’ mad-delegazzjoni u daqq il-qanpiena. L-organizzaturi tal-Kungress qalu li mill-pellegrinaġġ tal-qanpiena mis-17 ta’ Marzu 2011, kwart ta’ miljun tal-pellegrini Iralndiżi diġa daqqewha. Il-qanpiena ttieħdet f’parroċċi, skejjel, djar ta’ kura u sptarijiet fl-Irlanda kollha bil-għan li tiżdied il-kuxjenza dwar il-Kungress Ewkaristiku u iktar nies jitħajru jattendu għalih. Skont it-tradizzjoni, San Patrizju ħalla qanpiena f’kull knisja li kkonsagra bħala mezz li permezz tiegħu jissejjaħ il-poplu t’Alla għall-Ewkaristija. Id-delegazzjoni ippreżentat lill-Papa b’medalja li tikkommemora l-Kungress, fost oħrajn.
Il-50 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali se jsir f’Dublin bejn l-10 u s-17 ta’ Ġunju bit-tema, ‘L-Ewkaristija: Għaqda ma’ Kristu u ma’ xulxin’. Il-Papa Benedittu XVI mhux se jkun qed jattendi għall-Kungress.
Waqt l-udjenza ġenerali ma’ madwar 10,000 pellegrin minn madwar id-dinja kollha, il-Kap tal-kattoliċiissokta bit-taħditiet fuq it-talb billi beda serje ta’ riflessjonijiet dwar it-talb fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli u l-Ittri ta’ San Pawl. Tkellem ukoll dwar Marija u l-irwol privileġġat li għandha fil-Knisja, hi li fi kliemu, hi “l-mudell eżemplari tal-fidi u l-imħabba”.