Fl-udjenza ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa, din il-ġimgħa, il-Papa Benedittu XVI qal li “terremot b’saħħtu u qerriedi aktar minn dak ta’ Settembru li għadda, laħaq il-belt ta’ Christchurch fi New Zealand, u kkawżat telf ta’ ħajjiet u iktar nies mitlufa, minbarra tiġrif ta’ binjiet”.
Il-Papa esprima s-solidarjeta tiegħu speċjalment mal-poplu milqut minn din it-traġedja. Talab lil Alla sabiex itaffi t-tbatijiet tagħhom u jieqaf ukoll mal-ħaddiema involuti fl-operazzjoni ta’ salvataġġ. Il-Papa stieden ukoll lil kull min jemmen sabiex jingħaqad miegħu fl-intenzjonijiet tat-talb.
Intant, fl-udjenza ġenerali ta’ dil-ġimgħa, il-Papa kompla bis-serje ta’ katekeżi tiegħu fuq figure tas-snin l-imgħoddija li għadhom ferm relevant għal-lum. Ma’ madwar 7,500 persuna preżenti, il-Papa irrifletta fuq San Bertu Bellarmine (1542-1621) li għex żmien ta’ nkwiet ikkaratterizzat minn kriżi politika u reliġjuża li pprovokat qasma bejn pajjiżi differenti u s-Santa Sede.