Meta kien qed iwassal il-mesaġġ tiegħu mir-residenza tas-sajf f’Castelgandolfo, il-Papa irrefera għall-vanġelu tal-Ħadd li rrakkonta kif Ġesu, meta reġa lura Nażaret, kien irrifjutat min-nies tar-raħal tiegħu stess. “Wieħed jifhimha din minħabba li l-familjarita fuq livell uman, tagħmilha diffiċli li wieħed jinfetaħ għad-dimensjoni divina”. Il-Papa kompla li “f’Nażaret, Ġesu ma setax jagħmel mirakli, minbarra li fejjaq xi ftit morda billi qiegħed idejh fuqhom. Dan minħabba li n-nies kienet magħluqa għad-dimensjoni spiritwali”. Benedittu XVI kompla jispjega li “il-mirakli ta’ Ġesu mhumiex xi wirja ta’ poter imma sinjali tal-imħabba t’Alla fejn fil-bniedem ikun hemm il-fidi”.
Kompla li Ġesu kien skantat bin-nuqqas ta’ fidi fin-nies tiegħu stess. Staqsa kif jista’ jkun li ma rawx fih id-dawl tal-Verita, u kif jista’ jkun li ma nfetħux għat-tjubija li joffri Alla lill-umanita. Huwa Ġesu is-sinjal reali, huwa Alla magħmul bniedem, l-ikbar miraklu tal-univers, l-imħabba kollha ta’ Alla miġbura f’qalb umana fis-sura ta’ bniedem.
Il-Papa sellem ukoll lill-pellegrini minn madwar id-dinja u ispirat mill-messaġġ tal-Vanġelu, qalilhom li “Ġesu jfakkarna kontinwament li jekk ngħixu b’qalb miftuħa imkebbsa b’fidi vera, inkunu nistgħu nagħrfu l-preżenza t’Alla f’ħajjitna u nsegwu dak li Hu jrid minna”.