Praying

Il-Papa Benedittu XVI qal li t-talb li jitolbu għalih il-kattoliċi madwar id-dinja kollha tah il-qawwa u l-kuraġġ mill-bidunett, minn meta nħatar Papa seba’ snin ilu. “Mill-ewwel mumenti tal-ħatra tiegħi bħala suċċessur ta’ Pietru, dejjem ħassejtni sostnut bit-talb tagħkom, bit-talb tal-Knisja, speċjalment fil-mumenti l-iktar diffiċli”. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Papa fl-udjenza ġenerali ta’ din il-ġimgħa.

Il-Papa, fost ċapċip mill-eluf preżenti fi Pjazza San Pietru, radd ħajr minn qalbu għat-talb u ssokta bis-serje ta’ taħditiet dwar l-eżempji ta’ talb misjuba fl-Atti tal-Appostli. Il-Papa rrefera partikolarment għall-jasar ta’ San Pietru f’Ġerusalem u għall-ħelsien mirakoluż tiegħu.

“Ir-rakkont bibbliku enfasizza kif il-komunita nisranija kollha kienet miġbura għat-talb għall-appostlu Pietru waqt li kien il-ħabs”, kompla l-Papa. Fi kliemu hu episodju li juri il-qawwa tat-talb. “B’talb ma jaqtax u b’sens ta’ fiduċja f’Alla, il-Mulej jeħles lill-poplu mill-ktajjen, jissieħeb miegħu fid-dlamijiet tal-lejl u jagħtih il-paċi tal-qalb biex ikun jista’ jiffaċċja d-diffikultajiet tal-ħajja, partikolarment ir-rifjut, l-oppożizzjoni u l-persekuzzjoni. It-talb kostanti hu strument prezzjuż biex wieħed ikun jista’ jegħleb il-mumenti ta’ prova li jitfaċċaw”. Temm jgħid li t-talb hu sinjal ta’ għaqda m’Alla u ma’ xulxin.