Il-Papa Benedittu XVI qal li t-tweġibiet għall-mard li qed tiffaċċja s-soċjeta jista’ wieħed isibhom meta jdur fuq Ġesu. Meta kien qed jilqa’ għandu f’udjenza lill-Ambaxxatur il-ġdid ta’ Costa Rica għas-Santa Sede, Fernando Sanchez Campos, li preżenta l-Ittri tal-Kredenzjali, il-Papa qal li l-poplu ta’ Costa Rica “sekli ilu laqa’ ż-żerriegħa evanġelika”.

Qal li hu poplu li jaf li “fi Kristu, l-Iben t’Alla, il-bniedem dejjem jista’ jsib il-qawwa biex jikkumbatti l-faqar, il-vjolenza domestika, il-qgħad u l-korruzzjoni, minbarra li jfittex il-ġustizzja soċjali, il-ġid komuni u l-progress integral ital-bniedem”.

“Ħadd ma għandu jħossu maqtugħ mill-għanijiet quddiemu”, kompla jafferma. Il-Papa Benedittu XVI  appella lill-awtoritajiet pubbliċi sabiex “ikunu l-ewwel li jfittxu x’inhu l-iktar ta’ ġid għal kulħadd” b’rispett lejn il-liberta tal-persuni. Appellalhom biex ma jissottovalutawx il-valuri fundamentali.

Faħħar l-iffirmar fl-1969 tal-Konvenzjoni Amerikana dwar id-drittijiet tal-bniedem, magħrufa bħala ‘Il-Patt ta’ San Jose, Costa Rica’, li fi kliem il-Papa, “tirrikonoxxi l-valur tal-ħajja mill-mument tal-konċepiment”. Wera t-tama wkoll li Costa Rica ma tmissx id-drittijiet ta’ dawk mhux imwielda b’liġijiet li jillegalizzaw il-fertilizzazzjoni in-vitro jew l-abort.

VATICAN CITY, DEC. 3, 2010 (Zenit.org)