Il-Papa Benedittu XVI qal li meta l-ħajja tkun tixbaħ mina mdallma u siekta, il-fidi tkun dik li tagħti d-dawl nisrani, dik li tqanqal il-mużika. Fi tmiem il-ġimgħa ta’ eżerċizzi spiritwali fil-Vatikan, immexxija mill-Kardinal tal-Kongo Laurent Monsegwo Pasinya ta’ Kinshasa, il-Papa qal li laqtitu l-esperjenza li rrakkonta l-Kardinal dwar ħabib tiegħu li ntilef minn sensieh u daħal f’koma u bħal daħal f’mina mdallma, biex imbagħad f’tarfha ra xaqq dawl u sema’ mużika ħlejja. Fi kliemu, “din tista’ faċilment tirrifletti r-realta tal-ħajja tagħna. Spiss insibu lilna nfusna f’tali dlamijiet tal-ħajja, pero permezz tal-fidi jitfaċċa mill-ġdid f’ħajjitna dak id-dawl li jwassalna biex insibu mill-ġdid lil Alla”.
L-eżerċizzi kellhom it-tema “Christians’ communion with God”.
Il-Papa radd ħajr lill-Kardinal li qasam ir-riflessjonijiet tiegħu ma’ dawk kollha li jagħmlu parti mill-Kurja ta’ Ruma. Esprima gratitudni partikolari għall-meditazzjonijiet tal-Kardinal, fi kliemu, imlibbsin bi stejjer sbieħ u li qajmu interess u għenu biex wieħed jirċevi u jibqa’ iftakar il-messaġġ u t-tagħlim.