Diversi temi li jvarjaw mill-faqar sal-iżvilupp uman u l-liberta reliġjuża kkaratterizzaw laqgħat li l-Papa Benedittu XVI kellu ma’ ħames ambaxxaturi non-residenti għas-Santa Sede, inkluż l-ewwel ambaxxatur tal-Malasja. L-ambaxxaturi fil-fatt kienu tal-Etjopja, tal-Irlanda, ta’ Fiji, tal-Armenja u tal-Malasja.
Fost il-punti li għamel, il-Kap tal-Knisja Kattolika nnota li “l-kriżi ekonomika globali kkaġunat numru jiżdied ta’ familji li jgħixu f’kundizzjonijiet prekarji. Meta l-manifattura u ż-żjieda fil-ħtiġijiet twassalna nemmnu fil-possibilta ta’ gost u konsum bla limitu, in-nuqqas ta’ aċċess għall-mezzi li jwasslu għal dawn iwassal għal frustrazzjoni”.
Il-Papa tkellem ukoll kontra sitwazzjonijiet fejn il-faqar u l-għana jeżistu spalla ma’ spalla, fejn irrimarka li “jqum sens ta’ inġustizzja li jista’ jiżviluppa f’sors ta’ ribelljoni”. Qal li għalhekk hu ferm importanti għall-pajjiżi differenti li “jfittxu li jassiguraw li l-leġislazzjoni ma żżidx l-inugwaljanza soċjali u li n-nies ikunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża”.
Huwa komla jitkellem dwar l-iżvilupp uman li jkun jinvolvi l-persuna sħiħa, u mhux biss l-fatturi ekonomiċi.
“Esperjenzi bħal mikro-credit u inizjattivi li joħolqu assoċjazzjoni koperattiva juru li hu possibbli li wieħed iġib f’armonija għanijiet ekonomiċi ma’ ħtiġijiet soċjali, tmexxija demokratika u rispett lejn in-natura. Hu wkoll konsiljabbli li wieħed jinkoraġixxi xogħol manwali u promozzjoni ta’ agrikoltura lit kun favur in-nies tal-lokal, azzjoni li tagħti r-rispett dovut għal dan ix-xogħol”.
Il-Kap tal-Knisja tkellem ukoll dwar “tip ieħor ta’ faqar: in-nuqqas ta’ referenza lejn il-valuri spiritwali u lejn Alla”.