Fl-udjenza ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa, din il-ġimgħa l-Papa Benedittu XVI ddedika l-katekeżi tiegħu għall-bidla li ġġib fid-dixxipli l-qawmien mill-mewt ta’ Kristu. Irrifletta wkoll dwar it-tifsira tal-Għid għan-nisrani llum. Il-fidi fi Kristu Rxoxt qal li “tittrasforma l-ħajja tagħna; tathom ħelsien mill-biża, tathom tama qawwija u mliethom bl-imħabba t’Alla”.
Il-Papa spjega kif dik il-lejla nhar il-qawmien, id-dixxipli kienu magħluqin, imbeżżgħin. Sitwazzjoni li nbidlet drastikament mal-wasla ta’ Ġesu li daħal f’nofshom u tahom il-paċi tiegħu. Kien l-istess waqt li uriehom il-ġrieħi tiegħu, li anki jekk imqajjem mill-mewt, jibqgħu hemm.
Kien hawn li l-appostli fehmu it-tifsira salvivika tal-passjoni u l-mewt tal-Imgħallem tagħhom. Il-biża u n-niket tagħhom jinbidlu f’ferħ inspjegabbli.
Mat-tislima tal-paċi li Ġesu reġa tahom, il-Papa jgħid li dik l-għotja ma kinitx sempliċiment ta’ sinjal, imma ta’ rigal. Fi kliemu, kienet ukoll tifsira ta’ impenn biex id-dixxipli jwassluha lid-dinja kollha, billi jiżirgħuha fil-qalb ta’ kull bniedem madwar id-dinja. Kien għalhekk, kompla l-Papa, li Kristu nefaħ fuqhom u qalilhom biex jirċievu l-Ispirtu s-Santu – sinjal ta’ ħolqien u dinja ġdida.
Il-Papa jissokta billi jgħid li “illum, Kristu Rxuxtat jidħol fi djarna u fi qlubna, anki jekk xi kultant il-bibien ikunu magħluqa. Jidħol u miegħu iġib ferħ u paċi, ħajja u tama, doni li lkoll neħtieġu għall-qawmien uman u spiritwali tagħna nfusna. Hu biss jista’ jagħtina tifsira vera tal-ħajja tagħna. Hu biss il-waqfien mill-vjolenza, il-mibgħeda, in-nuqqas ta’ fiduċja u l-indifferenza. Hu biss it-tama tagħna”.
Qabel l-udjenza, il-Papa bierek rappreżentazzjoni tal-Familja Mqaddsa li se tittieħed Milan għall-Kungress Dinji tal-Familji li jibda fit-30 ta’ Mejju.