“Illum ilkoll ninsabu fir-riskju li ngħixu ħajja bħallikieku Alla ma jeżistix”. Il-Papa għadda dan il-kumment fil-messaġġ tiegħu fl-udjenza ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa quddiem madwar 25,000 persuna. Il-katekeżi kienet iddedikata lill-Beata Angela ta’ Foligno, “mistika kbira li għexet fis-seklu 13”.
Kompla li “Alla jista’ inissel il-preżenza tiegħu fina, jurina li jeżisti, li jafna u li jħobbna b’mijiet ta’ mezzi, kull mezz differenti mill-ieħor. Angela trid li aħna lkoll inkunu konxji tal-preżenza t’Alla sabiex nitgħallmu t-triq li twassal għand Alla”. Il-Papa kompla jgħid li Beata Angela kienet għall-ewwel imbiegħda minn Kristu, imbagħad ikkonvertiet meta bejnha u bejn ruħha, bis-saħħa tal-figura ta’ San Franġisk, għarfet li hu biss f’Alla li l-ħajja tkun waħda vera u bis-sens. Kompla li l-Beata għarfet li “l-maħfra t’Alla hi rigal tal-imħabba tiegħU lejn il-bnedmin”.
Il-Papa ma naqasx lanqas milli jgħallem fuq l-eżempju tal-Beata Angela t-twaħħid tal-imħabba u s-sagrifiċċju li jwasslu għal konverżjoni ġewwiena li timmanifesta ruħha u tkun ta’ eżempju għall-oħrajn fil-ħajja tan-nisrani. L-istess uġigħ tas-sagrifiċċju li jsir b’imħabba, Benedittu XVI temm jgħid li hu dak li jwassal għall-mument ta’ ‘perfezzjoni’ li jippermetti lill-individwu jimxi “mit-triq tas-salib” għat-“triq tal-imħabba”.