Fl-ewwel Ħadd tar-Randan, waqt ir-reċita tal-Angelus mit-tieqa tal-Palazz Appostoliku għal Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa Benedittu XVI, m’għamilx referenza għar-riżenja tiegħu u appella għas-silenzju u għal iffukar fuq it-talb.
Fil-kuntest tas-Sena ddedikata lill-Fidi, fid-diskors tiegħu, il-Papa qal li dan hu żmien ideali biex wieħed jiskopri mill-ġdid il-fidi tiegħu f’Alla, bħala kriterja bażika għall-ħajja tiegħu u tal-Knisja. Dan qal li jinvolvi taqbida spiritwali reali minħabba li l-ħażen li jopponi l-potenzjal tal-qdusija jittenta jiddevja lill-bniedem mit-triq li tqarrbu lejn Alla. Il-Papa żied li hu minħabba f’hekk li l-ewwel Ħadd tar-Randan il-Knisja permezz tal-liturġija tlaqqagħna ma’ Ġesu ttentat fid-deżert. Fi kliemu, it-tentatur jaħdem minn taħt b’ċerta diskrezzjoni biex ma jimbuttaniex direttament lejn il-ħażen imma lejn qerq ta’ dak li hu tajjeb. Fit-tentazzjonijiet, il-Papa qal li l-iktar importanti hi l-fidi.
Temm jgħid li “f’mumenti deċiżivi tal-ħajja, irridu nħarsu mill-qrib lejn il-pożizzjoni tagħna f’salib it-toroq u niddeċiedu lil min se nsegwu – lilna nfusna jew lil Alla?”